Ir-ringrazzjament lejn il-poplu Malti, l-awtoritajiet u dawk kollha involut fis-salvataġġ ta’ tant immigranti fil-baħar Mediterran kien il-punt prinċipali li tkellem dwaru l-President tal-Kunsill Ewropew, is-Sur Donald Tusk.
Dan qalu fid-diskors tiegħu fil-Parlament Malti, li kien l-ewwel indirizz tiegħu f’parlament nazzjonali sa minn mindu laħaq fil-kariga, u dan fi preparazzjoni għall-Valletta Summit.
Fid-diskors tiegħu, Tusk semma d-diversi inizjattivi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea qed timplimenta sabiex tiżgura li tkun qed tgħin lil popli Afrikani biex ikollhom futur aħjar fosthom investiment ta’ €1.8 biljun u l-fatt li l-ispazji għal studenti Afrikani biex jistudjaw fl-Ewropa rduppjaw permezz ta’ diversi programmi edukattivi fosthom Erasmus+.
Semma kif l-aplikazzjonijiet għall-ażil fil-kontinent Ewropew laħqu l-miljun, li huwa rekord.
Tusk kompla jgħid kif għalkemm din il-ħidma hija kollha pożittiva, għad hemm ħafna xi jsir u dan huwa dak li huwa mistenni minn dan is-summit storiku fil-jiem li ġejjin.
Semma kif jista’ jkun hemm ħidma konġunta ma’ uffiċjali Afrikani fil-pajjiż biex jgħinuhom jidentifikaw persuni li jkunu ramew id-dokumenti ta’ identifikazzjoni tagħhom. Dan fid-dawl tal-fatt li skont statistika riċenti, 1.2 miljun persuna daħlu irregolarment fl-Unjoni Ewroea, bil-maġġoranza tagħhom jidħlu permezz tal-baħar.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, sostna kif hemm bżonn li l-azzjoni dwar dan tittieħed fil-fruntieri, fejn kull pajjiż ikun resposabbli għall-istess fruntieri tiegħu u dak li jiġri fihom.
Finalment, Donald Tusk tenna r-ringrazzjament tiegħu lejn il-Gvern Malti, l-awtoritajiet u l-poplu kollu għall-ħidma fil-Mediterran matul is-snin, kif ukoll għall-organizazzjoni tas-summit storiku fil-jiem li ġejjin.