Kawża biex il-Każin Laburista tas-Siġġiewi se jittieħed lura mill-Kunsill

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jieħu passi legali wara li 'l-PL qed jirrifjuta li jiżgombra minnha'

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ħabbar kif se jkun qed jieħu passi legali sabiex il-parti tal-bini taċ-ċentru ċiviku tal-istess kunsill terġa' tingħata lura lill-Kunsill Lokali. Dan hekk kif bħalissa, din il-parti taċ-ċentru tinsab okkupata mill-każin tal-Partit Laburista, u ilha għal dawn l-aħħar ħames snin. Dan għalkemm din il-parti ilha mikrija lill-Kunsill mill-Gvern sa mit-twaqqif tal-Kunsill fl-1994.

F’laqgħa li saret lbieraħ filgħaxija, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ddeċieda li jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bini kollu taċ-Ċentru Ċiviku tas-Siġġiewi jkun fil-pussess tiegħu skont ftehim ta' kera li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għandu mal-Gvern ċentrali.

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi sostna li din l-istess deċiżjoni qed tittieħed fid-dawl ta' numru ta' proġetti ppjanati sabiex jiġi estiż iċ-ċentru ċiviku. Fost dawn il-proġetti jissemmew: Ċentru ta’ Matul il-Lejl għall-Anzjani (Night Centre), Ċentru tar-Riżorsi għall-Kommunità nkluż l-għaqdiet tas-Siġġiewi, Aktar spazji fejn jistgħu jingħataw korsijiet edukattivi u Librerija Pubblika.

Fl-istess laqgħa, is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal kif, "il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ser ikollu jirrikorri għall-Qorti biex jikseb lura l-proprjetà li diġà hija mikrija lilu iżda li l-Partit Laburista qiegħed jirrifujata li jiżgombra minnha." Is-Sindku spjega li huwa inaċċettabbli li l-Gvern ċentrali aġixxa b'mod sigriet, abbużiv u illegali meta ta lill-Partit Laburista proprjetà li bi dritt hija tal-Kunsill Lokali u tal-poplu tas-Siġġiewi.

Is-Sindku Karol Aquilina fakkar li t-tieni fażi tal-proġett taċ-Ċentru Ċiviku kienet ukoll proposta ewlenija tal-manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li saret f'April li għadda u li favur tiegħu vvutat il-maġġoranza tar-residenti tas-Siġġiewi.

More in Politika