Wara sentejn u nofs biss ta’ Gvern Laburista, b’ammissjoni tal-Prim Ministru stess, illum fil-pajjiż għandna korruzzjoni istituzzjonalizzata, organizzata u mferrxa f’diversi aġenziji tal-Gvern, liema aġenziji huma mmexxijin minn nies qrib ħafna tal-Prim Ministru u li ħatar Muscat stess.L-aħbar li dalgħodu l-Pulizija ġabret persuni b’konnessjoni mal-iskandlu tal-permessi ta’ residenza tkompli turi kemm hija urġenti s-sejħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li titwaqqaf inkjesta indipendenti dwar dan l-iskandlu. Is-sejħa għal inkjesta indipendenti diġa sabet l-appoġġ ukoll tal-media indipendenti. L-aħbar ta’ llum tkompli tagħti raġun lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Iżda s’issa l-Prim Ministru għadu qed jirreżisti din is-sejħa għal inkjesta, bla ebda raġuni.
L-Oppożizzjoni tistaqsi għaliex il-Prim Ministru ma jridx li ssir inkjesta indipendenti jekk mhux għax għandu xi ħaġa x’jaħbi?
L-Oppożizzjoni tinsisti li l-ħmieġ fil-ħruġ tal-permessi mhux biss huwa prova tal-korruzzjoni istituzzjonalizzata fil-Gvern immexxi minn Joseph Muscat iżda qegħda wkoll toħloq theddida għall-isem u għas-sigurta ta’ pajjiżna hekk kif ħafna barranin jibdew jaraw pajjiżna bħala wieħed b’kontrolli laxki u fejn jista’ jinkiseb permess ta’ residenza jekk jixxaħħam xi ħadd.
Jeħtieġ li Joseph Muscat jibda jieħu passi kontra l-korruzzjoni li ħakmet il-Gvern tiegħu. L-ewwel pass għandu jkun inkjesta tassew indipendenti sabiex dak li hemm ħażin fis-sistema ta’ ħruġ ta’ permessi ta’ residenza biex barranin jgħixu f'pajjiżna jinkixef u jitwaqqaf. B’hekk biss wieħed jista’ jerġa’ jirbaħ il-fiduċja fis-sistema ta’ ħruġ ta’ permessi li issa ntilfet kompletament.