'Bil-bidliet fil-liġi tal-IVF se nibdew nipproduċu tfal bħall-pastizzi'

Żgħażugħ jgħid illi l-bidliet mill-liġi preżenti se jbiddlu l-istess liġi f'waħda ta' produzzjoni ...Il-Gvern jaqla doċċa kiesħa fil-Parlament rigward il-bidliet fil-liġi tal-IVF u l-iffriżar tal-embrijuni 

Kritika dwar l-iffriżar tal-embrijuni fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ
Kritika dwar l-iffriżar tal-embrijuni fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Il-Gvern sab l-iebes dalgħodu fil-Parlament hekk kif numru ta' żgħażagħ waqt is-sessjoni tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ kellhom kliem iebes ħafna għal bidliet li qed jipproponi l-Gvern fil-qasam tal-IVF, l-aktar dwar l-iffriżar tal-embrijuni. Żgħażugħ li tkellem f'isem il-Partit Favur il-Ħajja qal illi l-bidliet proposti se jagħmlu mill-liġi preżenti ta' riproduzzjoni waħda ta' produzzjoni, daqslikieku qed nipproduċu l-pastizzi. F'punt minnhom il-kelliema ta' dan l-istess partit qalu li l-iffriżar tal-embrijuni, flimkien mal-abort u l-ewtanasja, huma parti mill-"kultura tal-mewt"

Ma' dan iżda ma qabilx il-Prim Minisitru Joseph Muscat illi fakkar kif il-liġi kif inhi bħalissa diġa tippermetti l-iffriżar tal-embrijuni "f'każi eċċezzjonali". Dak li qed jagħmel il-Gvern, sostna Muscat huwa li qed ibiddel il-liġi preżenti biex ma jibqax ikun permess dan il-proċess f'każi eċċezzjonali biss.  

Iż-żgħażagħ mill-istess partit qalu iżda illi kollox jindika li l-IVF, li tinkludi l-iffriżar tal-embrijuni, mhix l-unika għażla. Kelliema partikolari spjegat kif hemm ukoll l-iffriżar tal-isperma jew bajda li jista jagħti l-istess rata ta' suċċess.

Huma fakkru kif sforz id-donaturi tal-isperma u minħabba li dan jista jżomm lilu nnifsu anonimu ħafna tfal jispiċċaw ma jkunux jafu minn huwa missierhom. Kelliem żgħażugħ qal illi bil-liġi kif proposta se nkunu qed noħolqu iktar single mothers.

Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal illi l-proċedura tal-IVF hija waħda aċċettata bhala użu tajjeb hafna u leġittimu biex ix-xewqa għal ħajja ta' bosta tasal għaliha. Fakkar kif madwar id-dinja ghexieren ta' eluf qed igawdu l-ħajja permezz tal-IVF u kif għalhekk dan il-Gvern jixtieq jestendi dan id-dritt lil ħafna oħrajn. Fearne fakkar ukoll kif l-IVF beda jitħaddem fl-Isptar Mater Dei minn din is-sena stess.

 

More in Politika