Fi stqarrija l-Malta Developers Association (MDA) tinnota li bħala riżultat tar-roħs fil-kontijiet tal-elettriku kif imwiegħed mill-Gvern, iċ-ċertezza dwar dawn it-tariffi ikkontribwiet biex l-ekonomija tal-pajjiż tkun aktar stabbli, tant li kompliet tikber.
Filwaqt li jidher li bir-roħs fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt jista’ jkun hemm lok għal aktar roħs, l-MDA tifhem li l-Enemalta trid tpatti għad-dejn tal-passat. Aktar importanti wieħed irid joqgħod attent li r-roħs aktar fit-tariffi ma jservix ta’ inkoraġġiment għal ħela ta’ elettriku għad-dannu tal-ambjent.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-MDA tissuġġerixxi li parti mill-qliegħ li qed tagħmel l-Enemalta minħabba r-roħs fil-prezz taż-żejt għandha tmur għal aktar infieq favur enerġija nadifa permezz ta’ żieda fl-inċentivi lil min jixtri l-pannelli solari u lil min jagħmel insulazzjoni fis-soqfa, u bl-introduzzjoni ta’ inċentivi ġodda għal min jibni b’mod li ma jaħlix ħafna enerġija bħal bl-użu ta’ double glazing u thermal breaks fl-aperturi u qwalunkwe prodotti li jnaqqsu l-emissjonijiet.
Sadanittant l-MDA tkompli tinkoraġġixxi lill-iżviluppaturi u lis-sidien tal-propjetà jagħmlu l-isforzi tagħhom sabiex il-bini f’Malta ikun aktar effiċjenti mill-lat ta’ enerġija.