Kif mistenni ma kienx milħuq qbil b'kunsens bejn il-Ministri tal-Intern Ewropej dwar it-tqassim ta' 120,000 immigrant bil-konsegwenza li kellu jittieħed vot. Għalkemm għadda b'maġġoranza kbira ir-Repubblika Ċeka, l-Islovakkja, r-Rumanija u l-Ungerija ivvutaw kontra t-tqassim ta' dawn l-eluf ta' persuni filwaqt li l-Finlandja astjeniet.
Minn tabella maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea Malta, li vvutat favur, se tkun qed tieħu l-iżgħar numru ta' immigranti flimkien ma' Ċipru.
[Aktar kmieni] Fost il-proposti tal-Unjoni Ewropea dwar tqassim ta' immigranti hemm dik illi pajjiż ikun irid iħallas 0.002% tal-Prodott Gross Domestiku jekk ma jaċċettax li jilqa l-kwota ta' immigranti mogħtija lilu. Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea jgħidu li b 'kollox jeħtieġ jitqasmu 120,000 immigrant mill-Greċja, l-Italja u l-Ungerija. B'kollox iridu jkunu mqasmin f'pajjiżi oħrajn 15,600 mil-Italja, 50,400 mill-Greċja u 54,000 mill-ungerija.
Illum fi Brussell se jkunu qed jiltaqgħu l-Ministri tal-Intern Ewropej, fosthom dak ta' Malta, biex jipprovaw jilħqu ftehim dwar l-immigrazzjoni qabel laqgħa ta' emerġenza bejn il-mexxejja tal-UE għada. Il-kwistjoni ta' kwoti u tqassim tal-immigranti ġab fl-UE qasmiet kbar hekk kif numru ta' pajjiżi, fuq qudiem l-Ungerija, mhux qed jaqblu mal-kwoti mogħtija lilhom. Apparti l-Ungerija, l-Islovakkja, l-Polonja u anke r-Repubblika Ċeka qegħdin jopponu dawn il-kwoti.
Jekk jibqa' ma jintlaħaqx qbil jista jkun li l-istess Ministri jkunu kostretti jmorru għal vot maġġoritarju, li għalkemm jgħaddi b'kumdita', xorta qed jitqies bħala l-aħħar soluzzjoni.