Marlene Mizzi; Malta m'għandhiex tkun żvantaġġjata

Il-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi, llum fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu saħqet li pajjiżi li qegħdin lura fi transpożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-EU, qed ipoġġu pajjiżi oħra bħal Malta, li għamlu xogholhom sew, fi żvantaġġ kompettitiv.

Fid-diskors tagħha Marlene Mizzi qalet: "Traspożizzjoni inkonsistenti tfixkel mhux biss liċ-ċittadini iżda wkoll lill-Istati Membri. Per eżempju pajjiżi bħal Malta, li għandha rata baxxa ta' każijiet ta’ ksur ta' traspożizzjoni tard, jitqiegħdu  fi żvantaġġ kompetittiv minn Stati Membri oħra li jagħżlu li jżommu standards regolatorji aktar baxxi minflok it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. "

Fid-diskors konklussiv tiegħu l-Viċi President Frans Timmermans qabel mal-pożizzjoni ta' l-Onorevoli Marlene Mizzi u wiegħed li l-Kummissjoni se taħdem sabiex tiżgura t-traspożizzjoni effettiva tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea mill-Istati Membri kollha.

Marlene Mizzi tkelmet f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li fih hija għandha l-kariga ta' Viċi President, fir-rwol tagħha bħala l-kelliema tal-grupp S & D għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Fid-diskors tagħha l-MEP Mizzi enfasizzat ukoll li defiċjenza u standards differenti fil-pajjiżi Ewropej, jiġu mill-fatt li l-Istati Membri jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea b'modi differenti u b'hekk ixekklu għoti ta' benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini tagħna, u joħolqu problemi għal dawk li jixtiequ jgħixu, jaħdmu jew ikabbru n-negozju tagħhom lil' hinn min pajjiżhom.

Wasal iż-żmien sabiex il-poplu jkun fil-qalba tat-tfassil tal-politika tal-Unjoni Ewropea u dan hu possibli billi jiġu identifikati oqsma problematiċi, tneħħija ta' ostakli għaċ-ċittadini u b'titjib ta' implimentazzjoni b'modi li jirriżultaw f'benefiċċji konkreti fil-ħajja ta' kuljum għaċ-ċittadini tagħna. "Ir-regoli tal-Unjoni Ewropa huma maħluqa miċ-ċittadini għaċ-ċittadini, maħsuba biex jikkomplimentaw u jiffaċilitaw, l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom fi ħdan l-Ewropa mingħajr fruntieri," qalet Marlene Mizzi.

 L-Ewroparlamentari Mizzi talbet ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni f'waqtha u korretta biex kull Stat Membru jitqiegħed fuq l-istess livell. Il-Kummissjoni għandha wkoll tħeġġeġ mekkaniżmu aħjar għar-reviżjoni ta' kif ir-regoli tal-Unjoni Ewropea jiġu applikati fil-prattika, u ta' kif iċ-ċittadini u n-negozji għandhom is-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

 

More in Politika