Il-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew illum fi Strasbourg li d-dgħjufijiet fi ħdan l-Union Ewropea huma riżultat ta’ żviluppi fi ħdanha, u mhux minn ġrajjiet li ma kinux mistennija fi ħdan jew barra l-Unjoni Ewropea. Dr. Sant, li kien qed jirreaġixxi għad-diskors tal-President Jean Claude Juncker fil-Parlament Ewropew, qal li r-raġunijiet għad-dgħjufijiet li hemm fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu rikonoxxuti.
Dr. Sant qal li ‘l-Unjoni Ewropea qed tiġġebbed iżżejjed biex tipprova tilħaq bogħod iżżejjed.’ Dan wassal biex ifeġġu d-dilemmi u l-paralisi li qed jaffettaw lill-Unjoni Ewropea waqt li llum qed tiffaċċja l-akbar problemi. Fost dawn hemm il-kriżi tal-immigrazzjoni, l-inkwiet fl-Ukraina, it-taħwid traġiku fil-Greċja u l-qgħad dejjem jiżdied b’mod persistenti fl-Unjoni Ewropea. Is-soluzzjoni għal dan it-tiġbid żejjed tal-Unjoni għandu jkun – għall-anqas bħala l-ewwel fażi – konsolidament politiku u ekonomiku, mhux bit-tiġbid żejjed.
L-Unjoni Ewropea, qal Dr. Sant, firxet l-impennji u l-aspirazzjonijiet tagħha, imma ma hemmx rieda politika u lanqas il-mezzi biex tinstab soluzzjoni. Sadanittant barra l-fruntieri tal-Unjoni Ewropea qed jiżdied is-‘soft power’ tal-Unjoni biex minn barra qed jidher bħala mudell tajjeb li qed iżid l-aspettattivi dwarha fost ċittadini barra mill-Unjoni Ewropea. Ilna nisimgħu, qal Dr. Sant, li ‘Aktar Ewropa’ hija s-soluzzjoni għall-problemi li qed jinħolqu. Ħafna ċittadini Ewropej li qed jgħixu l-ħajja tagħhom ’il bogħod mill-pressjonijiet u l-impressjonijiet maħluqa mill-forzi politiċi involuti fil-proġett Ewropew ma jistgħux jifhmu x’qiegħed isir.’ Temm jgħid Dr. Sant.