Jitlesta l-proġett taz-zuntier tal-Isla...jitħabbru aktar proġetti għall-lokalita'

Il-belt tal-Isla
Il-belt tal-Isla

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi ħabbar għadd ta’ proġetti ta’ riabilitazzjoni li mistennija jibdew fl-Isla bħala parti mill-viżjoni tal-Gvern għar-riġenerazzjoni taż-żona tal-Kottonera u l-madwar.F’intervent li għamel fl-okkażjoni tat-tberik taz-zuntier f’jum il-festa tal-Isla, il-Ministru Joe Mizzi spjega x-xogħol li sar fuq il-pavimentar il-ġdid taz-zuntier tal-knisja, proġett li jinvolvi 392 metru kwadru ta’ pavimentar, bi spiża ta’ €160,000. Huwa qal li z-zuntier issa se joffri aċċessibilità aħjar għal persuni li jużaw il-wheelchair, peress li r-rampa li kien hemm qabel ma kinitx konformi mal-istandards tal-KNPD. Ir-rampa l-ġdida se titpoġġa fejn hemm iżjed spazju biex din tiġi itwal u oħra se titpoġġa fl-entratura tal-Oratorju fil-ġenb tal-knisja.

Il-Ministru qal li, minbarra dan il-proġett, wieħed mill-ewwel interventi li saru fl-Isla minn dan il-Gvern kien ir-restawr tal-Madonna tan-Nofs u ngħatat ukoll spinta biex jitlesta x-xogħol ta’ tisbiħ matul il-promenade tal-Isla.

Il-Ministru ħabbar li hemm xogħlijiet oħrajn ippjanati għall-Isla mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, fosthom ir-restawr tal-faċċata tal-knisja ta’ San Ġiljan, xogħol li mistenni jibda s-sena d-dieħla wara li joħorġu l-permessi. Barra minn hekk, huwa qal li saru xogħlijiet fuq il-bejt tal-knisja parrokkjali Marija Bambina u xogħol preparatorju għar-restawr tas-saqaf tal-Grand Hall u l-koppja tal-knisja fejn intefgħet applikazzjoni għal dan ix-xogħol. Wara li tiġi approvata mill-MEPA, se tinħareġ sejħa għall-offerti għall-bdil tal-monument tal-gwerra minn wieħed tal-fibre flass għal wieħed tal-bronż u fil-ġimgħat li ġejjin, se jinbidel ħajt f’Boiler Wharf għal security fence tal-metall biex jitkompla t-tisbiħ f’din iż-żona. Il-Ministru qal ukoll li qed isiru diskussjonijiet mal-kumitat tal-Queens Own Band Club biex tiġi rrestawrata l-faċċata tal-każin.

Flimkien mal-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, qed jiġi studjat kif tista’ tissebbaħ iż-żona tad-dħul tal-Isla fejn il-Bieb ta’ Sant Anna, inkluż permezz ta’ installazzjoni ta’ dawl arkitettoniku, kif ukoll proġett pilota ta’ riabilitazzjoni fiż-żona magħrufa bħala tas-Sirena.

 

 

 

More in Politika