Għalkemm fid-deher kollox jindika li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed jikseb ċertu kontroll bi stil politiku li huwa uniku għalih, sorsi qrib il-PN, li esprimew l-iskuntentizza tagħhom għall-mod kif qed jitmexxa l-partit, żvelaw mal-gazzetta ILLUM, li fir-realtà, il-PN qed jitmexxa taħt id-dell tal-eks Rappreżentant ta’ Malta fi Brussell u strateġista Nazzjonalista, Richard Cachia Caruana.
Fil-fatt dawn l-istess sorsi spjegaw kif Busuttil u Cachia Caruana qed jiltaqgħu barra mid-Dar Ċentrali tal-PN u fil-privat biex jiddiskutu l-istrateġija li għandu jadotta l-istess partit. Huwa mifhum, qalulna s-sorsi, li huwa Cachia Caruana li ta l-parir li l-PN juża “tattika agressiva u negattiva li tkun kontinwa, simili għal kif mexxa l-Partit Laburista, Alfred Sant qabel l-1996”. Huma qalu wkoll li fuq is-suġġeriment tal-istrateġista, Busuttil u l-PN baqgħu għaddejjin full swing matul ix-xhur tas-Sajf billi nżammet it-temperatura politika għolja kif ukoll permezz ta’ numru kbir ta’ stqarrijiet dwar diversi suġġetti li l-PN qed joħroġ kuljum.
Dawk li tkellmu mal-ILLUM esprimew il-biża’ tagħhom li l-istrateġija li mbarka fuqha l-PN, jista’ jkun li qed tħalli riżultati għal ftit żmien, iżda wisq jibżgħu li meta jasal l-appuntament elettorali, il-gwadann li jkun għamel il-PN jisfa fix-xejn.
L-istorja sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM