Fl-ewwel nofs tal-2015, l-iżbilanċ fil-Fond Konsolidat naqas b’€107 miljun, jew b’40%, meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ sena ilu. L-iżbilanċ sa Ġunju ta’ din is-sena huwa n-nofs ta’ dak osservat fl-istess perjodu fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
Id-dħul tal-Gvern, matul l-ewwel nofs tal-2015, żdied b’€193 miljun, jew 14%. Din iż-żieda kienet xprunata minn tkabbir ta’ €56 miljun f’fondi addizjonali mill-Unjoni Ewropea wara ħidma min-naħa tal-Gvern ħalli r-rata li biha jiġu assorbiti l-fondi Ewropej togħla sew.
Fi stqarrija, l-Gvern qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni takkuża lill-Gvern li qed iħalli l-ispiża tiżdied bla kontroll, l-istatistika uffiċjali turi li matul l-ewwel nofs tal-2015 kien hemm żieda fl-ispiza rikurrenti ta’ 4.8%, jew anqas min-nofs tal-11% li kien irreġistrat taħt l-amministrazzjoni ta’ qabel.
B’kuntrast, fl-ewwel nofs tal-2015, kien hemm spiża kapitali ta’ €206 miljun, jew €50 miljun aktar mill-istess perjodu fl-aħħar sena tal-Gvern preċedenti. Din is-sena, il-Gvern investa €300,000 aktar kuljum fi proġetti kapitali u infrastrutturali milli kienet nefqet l-amministrazzjoni preċedenti. Dan qed iwassal għal ottimiżmu qawwi fost l-azjendi tagħna u qed itejjeb ukoll is-servizzi pubbliċi u l-infrastuttura ta’ pajjiżna.
Il-galbu fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi qed iħalli effett tajjeb fuq il-livell tad-dejn nazzjonali. Għall-ewwel darba fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna, id-dejn tal-Gvern Ċentrali waqa’ bi kważi mitt miljun meta mqabbel ma’ sena qabel.
Filwaqt li taħt amministrazzjonijiet preċedenti d-dejn tħalla jikber xahar wara xahar, dan il-Gvern qed jirnexxilu jibda jnaqqas il-piż tad-dejn nazzjonali fuq ġenerazzjonijiet futuri. U dan fi klima ta’ investiment pubbliku u mingħajr ebda awsterità, tant li l-qgħad waqa’ għall-anqas livell fl-istorja ta’ pajjiżna.