Kollegi ta’ Busuttil b’ħatriet f’bordijiet pubbliċi

It-tliet avukati huma Rita Mifsud, Jeanine Giglio u Simon Galea Testaferrata. 

Jeanine Giglio u Simon Galea Testaferrata
Jeanine Giglio u Simon Galea Testaferrata

Tliet avukati li kienu jaħdmu fid-ditta legali Ganado and Sammut Advocates, li għal tlettax-il sena sħaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien direttur tagħha, ingħataw diversi ħatriet f’bordijiet pubbliċi u kif ukoll kuntratti ta’ konsulenzi minn gvernijiet differenti Nazzjonalisti. It-tliet avukati huma Rita Mifsud, Jeanine Giglio u Simon Galea Testaferrata.   

Matul dawn l-aħħar xhur Busuttil tkaża għax nies li kellhom xi konnessjoni Laburista ngħataw karigi jew postijiet fuq xi bord tal-Gvern u akkuża lill-Gvern preżenti li mhux qed ikun meritokratiku.

L-Avukat Rita Mifsud, li hija wkoll kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fin-Nadur u li kienet ukoll membru tal-Eżekuttiv tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista, għamlet seba’ snin taħdem fid-ditta legali ta’ Simon Busuttil bejn l-2003 u l-2010.

Taħt gvernijiet Nazzjonalisti hija ngħatat karigi f’bordijiet tal-gvern kif ukoll konsulenzi.  Fl-2008 inħatret b’mod dirett fuq il-bord ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fejn damet ftit xhur u tħallset mal-€1,500. F’Lulju tal-istess sena nħatret għal darb’oħra b’mod dirett fuq il-bord tad-Diretturi tal-Gozo Channel, fejn damet sa April 2013 u tħallset iktar minn €28,000.

 Mifsud kienet intgħażlet ukoll bħala konsulent legali għal Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u għall-Aġenzija Appoġġ. Mifsud illum hija impjegata mad-ditta tal-avukati IURIS, li taħt gvern Nazzjonalista ngħatat mal-€110,000 f’servizz legali lill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, li taħtha taqa’ l-Appoġġ.

 L-Avukat Jeanine Giglio ħadmet ma’ Simon Busuttil f’Ganado and Sammut Advocates bejn l-2004 u l-2005. Fl-2006 Giglio nħatret b’mod dirett u fuq bażi ta’ fiduċja bħala konsulenta fulltime mal-Ministru dak iż-żmien responsabbli mill-familja u l-qasam soċjali. Hija tħallset mat-€38,000.

 Bejn l-2008 u l-2013 l-istess Jeanine Giglio tpoġġiet membru tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fejn tħallset €14,000. Fl-2012 hija tpoġġiet ukoll membru fil-bord tal-appell tal-Awtorità tad-Djar fejn tħallset €200.

 L-Avukat Simon Galea Testaferrata kien involut f’Ganado and Sammut Advocates flimkien ma’ Simon Busuttil, bejn l-1996 u l-2010. Fl-2003 Galea Testaferrata nħatar chairman tal-bord tal-Kummissarji Speċjali kariga li baqa’ jżomm sal-2006. Bejn l-2007 u l-2011 tpoġġa fil-bord tal-Koperattivi bħala segretarju fejn tħallas iktar minn €8,000. Fl-istess ħin Galea Testaferrata kien ukoll konsulent fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Ministeru għall-Kompetittività u l-Komunikazzjoni.

 Minn kalkolu li għamlet il-gazzetta Illum jirriżulta li dawn it-tliet avukati eks sħab professjonali u ħbieb ta’ Simon Busuttil bejniethom tħallsu qrib il-€100,000 permezz ta’ ħatriet u konsulenzi li ngħataw taħt gvernijiet Nazzjonalisti. Fl-aħħar ġimgħat il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem għal ħafna drabi dwar il-ħtieġa tal-meritokrazija fit-tmexxija tal-pajjiż.

More in Politika