Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li permezz ta' universitajiet barranin f'Malta, il-gvern irid jattira aktar studenti barranin sabiex is-settur tal-edukazzjoni f'Malta jingħata aktar saħħa fuq livell internazzjonali.
Waqt konsultazzjoni pubblika, parti mis-serje "Gvern li jisma'", Bartolo wiegħed li l-gvern mhux se jnaqqas l-investiment tiegħu lill-Università ta' Malta u lill-MCAST, u li b'hekk dawn ħa jibqgħu prijorità.
"Nemmnu li l-edukazzjoni terzjarja f'Malta tista' tkun magħrufa fuq livell internazzjonali daqskemm hu magħruf is-suq tat-tagħlim tal-Ingliż f'Malta" saħaq Bartolo.
M'hemmx l-intenzjoni li l-istituzzjonijiet il-ġodda jikkompetu ma' dawk diġà eżistenti lokali. Dawk lokali jattiraw aktar studenti Maltin, filwaqt li dawk ġodda se jkunu qed jattiraw aktar studenti barranin lejn pajjiżna.
"Dejjem kienet sfida li nagħmlu l-istituzzjonijiet kompetittivi internazzjonalment minħabba li l-università lokali hija b'xejn kemm għall-Maltin u għaċ-ċittadini tal-UE." kompla Bartolo.
Il-Ministru, b'riferiment għall-avviż legali li nħareġ riċentament, li biddel l-istandards li istituzzjoni jeħtieġ ikollha biex tikwalifika bħala università, qal li "mhux se nbaxxu l-istandards biex nakkommodaw istituzzjonijiet inferjuri."