
Tintalab investigazzjoni fuq it-trasferiment ta' propjetà ta' Gaffarena fi Triq iż-Żekka
Il-Prim Ministru żamm id-Dipartiment tal-artijiet taħtu apposta - Jason Azzopardi

More in Politika
Il-Prim Ministru żamm id-Dipartiment tal-artijiet taħtu apposta - Jason Azzopardi
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon, talab lis-Segretarju Prinċipali Ewlieni jibda investigazzjoni fuq it-trasferiment ta’ proprjetà f’Old Mint Street, Valletta.
Dan ġie wara li fil-gazzetta MaltaToday tal-bieraħ żvelat kif numru ta' artijiet li għaddew lil Gaffarena bħala parti mill-espropjazzjoni, kienu bieb ma' bieb ma' propjetajiet ta' Gaffarena bi pjan ta' żvilupp.
Il-gazzetta rrappurtat ukoll kif membru tas-segretarjat parlamentari ta' Michael Falzon deher fil-preżenza ta' Gaffarena fil-binja tad-Diviżjoni tal-Propjetajiet tal-Gvern (Government Property Division). Meta kkuntatjat mill-MaltaToday, Clint Scerri ma kienx f'pożizzjoni jispjega l-preżenza tiegħu.
Ix-shadow Minister Jason Azzopardi minn naħa tiegħu qal li "dan huwa ħmieġ, u hawn riħa tinten ta' korruzzjoni," u l-Prim Ministru żamm id-Dipartiment tal-Artijiet taħtu apposta, ħaġa li qatt ma saret mill-Indipendenza 'l hawn. Azzopardi kompla jgħid li taħt il-Prim Ministru, diġà rajna 3 skandli, dan ta' Triq iż-Żekka, Cafè Premier u Australia Hall.
Il-kelliem tal-PN, Ryan Callus sostna li din l-investigazzjoni li ġiet mitluba hija waħda fażulla għaliex staqsa kif jista jkun li kasitlja tinvestiga lil Kastilja, hekk kif l-entità mqabbda bl-investigazzjoni taqa' taħt Kastilja. Semma wkoll kif is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon kien qal l ikollox mexa skont il-proċeduri u issa talab biex jiġi investigat dan l-iskandlu. "Għalfejn Michael Falzon biddel il-verżjoni mil-lum għal għada?" temm jgħid Callus.
Mario Cutajar, bħala Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kiteb lill-Internal Audit and Investigations Department fejn ta struzzjonijiet biex tibda investigazzjoni fuq dan il-każ.
Din l-investigazzjoni qed issir apparti investigazzjoni oħra li hemm għaddejja mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.
Fi stqarrija intqal li dawn il-passi ttieħdu sabiex isir l-iskrutinju neċessarju, liema skrutinju l-Gvern qal mill-ewwel li jilqa’.
Minn naħa tiegħu, matul il-ġimgħa li għaddiet, is-segretarjat parlamentari sostna kemm-il darba li ma kellux għalfejn isejjaħ għal investigazzjoni minħabba li kollox kien mexa skont ir-regoli u l-proċeduri tas-soltu fit-trasferiment ta' propjetà mingħand Mark Gaffarena.