Il-poplu Malti jixraqlu użu aħjar minn flusu – Mario de Marco

Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li ġimgħa wara l-oħra, l-poplu Malti qed isir jaf bi stejjer skandalużi fejn il-Partit Laburista fil-Gvern 

“Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-kummenti u t-tħassib tal-Kamra tal-Kummerċ dwar in-nuqqas ta’ moralità fiskali murija mill-Gvern Laburista tul l-ewwel nofs ta’ din il-leġislatura.” Dan qalu Mario de Marco fi stqarrija għall-istampa.

 

Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li ġimgħa wara l-oħra, l-poplu Malti qed isir jaf bi stejjer skandalużi fejn il-Partit Laburista fil-Gvern aġevola lilu nifsu jew lil nies qrib tiegħu b’għotjiet, trasferimenti ta’ art, jew ħlasijiet skandalużi li jiksru kull prinċipju ta’ trasparenza. “Mill-każ tal-Australia Hall, sa dak tal-Café Premier, u iktar riċenti, l-art “esproprjata” mingħand fi Strada Zekka, huma provi ċari li l-poplu Malti qed iħallas biex il-Gvern Laburista jaqdi lil dawk li jaqbillu.”

 

Mario de Marco kompla jgħid li bl-istess mod, individwi oħra qrib il-Partit Laburista gawdew sfaċċatament min-numru ta’ impjiegi maħluqa apposta għalihom, b’salarji sostanzjali, filwaqt li oħrajn, mingħajr kwalifiċi u fuq ebda bażi ta’ meritokrazija, ħadu post persuni b’esperjenza u taħriġ ferm superjuri għal tagħhom. “Filwaqt li dan kollu qed jirriżulta f’nefqa qawwija għall-Gvern, Joseph Muscat qed jipprova jibbilanċja l-kotba billi jbigħ art ODZ lil spekulaturi ta’ kull xorta. F’temp ta’ sentejn, il-Gvern tilef kull sens ta’ “Good Governance” kemm fin-nefqa pubblika kif ukoll fil-politika ambjentali.”

 

Qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fil-ħtieġa ta’ sostenibbiltà fiskali u kien għalhekk li fil-Gvern kien ikkometta ruħu għat-tnaqqis b’mod sostenibbli tad-defiċit u d-dejn ta’ pajjiżna. “Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ferm aħjar mill-Gvern li għandu llum: amministrazzjoni ġusta, trasparenza, meritokrazija, u dixxiplina fin-nefqa pubblika. S’issa l-Gvern qed ifalli f’dawn kollha, u l-prezz iħallas għalih il-poplu Malti u Għawdxi. Il-Gvern reġa’ qed ipoġġi lilu nnifsu bħala mutur tal-ekonomija flok is-settur privat, għad-dannu tal-istess sidien ta’ negozji, li qed isibu kompetizzjoni mhux ġusta, b’mod partikolari fil-konfront tal-imsieħba barranin li huma magħżulin, bla ebda sejħa, minn Muscat innifsu.”

 

Temm jgħid li l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jagħti widen x’qed tgħidlu l-Kamra tal-Kummerċ, u biex jifhem li t-tmexxija ta’ pajjiż mhix qegħda hemm biex tibbilanċja l-kotba sal-aħħar tal-ġurnata iżda biex tagħraf x’inhu l-aħjar għal familji u negozji Maltin illum, għada u fis-snin li ġejjin.

 

 

More in Politika