Iċ-ċerman tal-BICC ma kienx jaf bil-ftehim tal-esproprjazzjoni

Fil-propjetà ta' Marco Gaffarena li ġiet esproprjata hemm l-uffiċji tal-gvern tal-BICC

Charles Buhagiar, MP Laburista u ċ-ċerman tal-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) qal li ma kienx jaf bil-€1.65 miljun kumpens għall-esproprjazzjoni tal-propjetà ta' Marco Gaffarena fil-Belt Valletta. Dan skont storja li qed tirrapporta l-gazzetta MaltaToday.

Gaffarena tħallas kumpens fi flus kif ukoll f'artijiet għal nofs il-propjetà fi Triq iz-Zekka - li fiha hemm l-uffiċji tal-gvern tal-BICC.

F'Jannar ta' din is-sena, il-gvern ħallas €822,500 lil Gaffarena għal kwart tal-propjeta li kien xtara għal  €23,294 f'Diċembru tal-2007. Ix-xahar ta' wara, fi Frar, Gaffarena xtara kwart ieħor tal-propjetà għal €139,762, li mbagħad l-gvern esproprja għal €822,500 oħra.

Minkejja kollox, Buhagiar ċaħad li kien jaf bl-intenzjonijiet tal-gvern biex jesproprja dan l-istess bini. Meta tkellem mal-MaltaToday, huwa saħaq li "L-espropjazzjoni taqa' taħt id-dipartiment tal-Lands. Ma kontx naf bil-pjanijiet tal-esproprjazzjoni, u lanqas ma kelli raġuni għaliex inkun naf bihom. Mhux affarija. L-ewwel li smajt bihom kienet fil-gazzetta l-ġimgħa l-oħra."

Buhagiar ċaħad ukoll li kien jaf l-intenzjonijiet tal-gvern biex jixtri isħma fil-propjeta u insista li ma kienx jaf b'xogħlijiet li hu u l-uffiċju tal-periti kienu għamlu għal Gaffarena jew għall-kumpanija tiegħu.

 

More in Politika