Investiment fil-promozzjoni tas-snajja, l-arti u l-identità permezz tal-Kunsilli

Fil-ħames attivitajiet li ġew ippreżentati l-gvern ħareġ 40% tal-ispiża
 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo

“Il-Gvern kommess li jsaħħaħ il-ħidma tal-Kunsilli Lokali sabiex jippromwovu l-identità tal-lokalità tagħhom, kif ukoll is-snajja’ u l-arti fuq bażi lokali.”

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo waqt attività fil-Fortress Builders Building fejn ħabbar l-attivitajiet kulturali tal-kunsilli lokali għax-xahar ta’ Ġunju.

Is–Segretarju Parlamentari Buontempo spjega kif il-Kunsilli Lokali jissottomettu l-proposti tagħhom għal attivitajiet kulturali tagħhom u l-Gvern jiffinanzja biss lil dawk li jilħqu ċertu kriterji għoljin.

“Il-ħames attivitajiet li sa jiġu ppreżentati llum ħa jiġu jiswew madwar €50,000, u l-Gvern, għax jemmen fil-valur ta’ dawn l-attivitajiet, sa joħroġ mad-40% tal-ispiża.” Huwa ddiskriva dan l-investiment bħala, “sinjal tanġibbli tal-impenn tal-Gvern li jgħin lill-Kunsilli Lokali sabiex jaqdu l-obbligu legali tagħhom li jippromwovu l-identità tal-lokalità tagħhom, kif ukoll is-snajja’ u l-arti fuq bażi lokali.”

Is–Segretarju Parlamentari Buontempo tkellem ukoll dwar l-intenzjoni tal-Gvern li l-livell ta’ dawn l-attivitajiet jgħola sew fil-waqt li tiżdied b’mod qawwi l-parteċipazzjoni tal-element ta’ volontarjat. “Dan sa jwassalna biex ikollna aktar festivals b’parteċipazzjoni akbar mill-grassroots, festivals għan-nies magħmula min-nies.”

Huwa awgura lill-Kunsilli Lokali ta’ San Ġiljan, ix-Xewkija, Marsaskala, ix-Xagħra u Birżebbuġa għall-attivitajiet tagħhom.

Il-Festa ta’ Lapsi sa ssir nhar is-6 ta’ Ġunju f’San Ġiljan. Fit-13 u 14 ta’ Ġunju sa jsir il-festival “Fiori D’Argenta” fix-Xewkija u fl-20 u 21 ta’ Ġunju ħa jsir il-festival “Arti fil-Beraħ” f’Marsaskala. Fl-istess ġranet, fix-Xagħra ha jsir il-Festival tat-Tin u Ikel Tradizzjonali, biex fis-27 ta’ Ġunju jkun hemm l-attività “Inġeddu Tfulitna” f’Birżebbuġa.

More in Politika