
Fuq t-tariffi tar-roaming Malta finstab fuq in-naħa taċ-ċittadin - Josè Herrera
Reazzjoni għal kważi deadlock li jeżisti bejn il-Parlament, Kummissjoni u Kunsill Ewropej

More in Politika
Reazzjoni għal kważi deadlock li jeżisti bejn il-Parlament, Kummissjoni u Kunsill Ewropej
Meta kien qed jindirizza d-Djalogu Ewropew fuq il-Governanza tal-Internet (EuroDIG 2015), is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-ICT u t-Telekomunikazzjoni Jose’ Herrera, saħaq li fil-kwistjoni tat-tariffi tar-roaming fil-pajjiżi tal-UE Malta tinsab fuq in-naħa taċ-ċittadin. Huwa qal dan b’reazzjoni għal kważi deadlock li jeżisti bħalissa bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew fuq il-pakkett tar-regolamenti dwar it-telekomunikazzjoni. Dan il-pakkett, apparti t-tariffi tar-roaming, jitratta wkoll in-net neutrality li tirrigwardja l-aċċess fuq l-internet.
Wara l-intervent tiegħu fil-EuroDIG, dawn is-suġġetti kienu l-qofol ta’ diskussjonijiet li saru bejn is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera u r-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mid-Digital Economy Richard Megans u d-Deputat Ministru tal-Bulgarija għall-ICT u l-Komunikazzjoni Valery Borissov.
Il-laqgħat kollha kienu qed isiru f’Sofia l-Bulgarija.
Mar-rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, Jose’ Herrera qal li llum aktar minn qatt qabel, hemm il-ħtieġa ta’ suq Ewropew wieħed tat-telekomunikazzjoni. Huwa qal li minħabba f’hekk, ir-regolamenti li jitrattaw dan is-suq tat-telekomunikazzjoni, jeħtieġ li jiġu aġġornati permezz ta’ roadmap ċar li jħares lejn il-futur taċ-ċittadini tal-UE biex jieħdu dak li ħaqqhom. “L-interessi ġenerali tan-nies iridu jipprevalu fuq id-dewmien bla bżonn f’diskussjonijiet mingħajr soluzzjonijiet”, tenna Herrera.
Il-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-ħlasijiet tar-roaming fil-pajjiżi tal-UE hija waħda ċara u konsistenti, tenna Herrera. Il-Gvern Malti jaqbel illi meta persuna tuża s-servizz tal-mobile waqt li tkun imsiefra f’xi pajjiż ieħor tal-UE, din tħallas l-istess rata daqs li kieku qed tuża s-servizz f’pajjiżha stess. Madanakollu l-istess Gvern jifhem li sa issa dan jista’ ma jkunx possibbli jekk ma jkunx hemm surcharge li tagħmel tajjeb għal ħlasijiet tar-rati wholesale fuq ir-roaming li operaturi stess jiċċarġjaw lill-operaturi oħra meta l-klijenti tagħhom jużaw il-mobile f’pajjiż ieħor. Sadanittant, qal Herrera, iċ-ċittadini jridu jibdew igawdu minn traħħis b’effett immedjat u b’hekk is-surcharge mitluba għandha tkun waħda minima li tkopri biss il-ħlasijiet wholesale u li tibda tapplika biss wara li tintuża l-Basic Roaming Allowance.
F’dan ir-rigward Jose’ Herrera ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli tieħu rwol attiv bit-tama li l-proċess jitkompla mingħajr dewmien.
Min-naħa tagħha r-rappreżentanta tal-Kummissjoni Ewropea qalet li kulħadd qed jaqbel li l-prezzijiet tar-roaming għandhom jiġu regolati; madanakollu l-Kummissjoni flimkien mal-Kunsill qed jgħidu li jrid ikun hemm makkinarju (ibbażat fuq is-suq u mhux fuq il-prezz fiss) li jirregola l-prezzijiet, filwaqt li l-Parlament Ewropew qed jgħid li jrid ikun hemm leġiżlazzjoni li tiddetta l-prezzijiet.