Pajjiżna bl-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, li jsir ta’ kull xahar fost azjendi u konsumaturi, wera li għal tnax-il xahar konsekuttiv, f’Mejju, pajjiżna għandu l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea, li jsir ta’ kull xahar fost azjendi u konsumaturi, wera li għal tnax-il xahar konsekuttiv, f’Mejju, pajjiżna għandu l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.

 L-indiċi tas-sentiment ekonomiku dan ix-xahar laħaq il-livell ta’ 118, jew 18% aktar mill-medja reġistrata kemm ilu jiġi mkejjel dan l-indikatur. Dan il-livell ta’ ottimiżmu huwa l-ogħla livell osservat f’pajjiżna mill-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-2008.

 Għat-tieni darba mindu beda jitkejjel dan l-indiċi mill-Kummissjoni Ewropea fl-2002, f’Mejju, kull settur tal-ekonomija f’pajjiżna kien ottimista fuq l-andament tal-ekonomija. Barra minn hekk, għat-tieni xahar konsekuttiv, l-ottimiżmu li esprimew l-operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni u dawk tal-ħwienet kien l-ogħla qatt osservat mindu beda jsir dan l-istħarriġ, tlettax-il sena ilu. 

 Mill-bidu tal-2015, b’mod konsistenti, anke fost l-azjendi industrijali ġie osservat titjib fl-ottimiżmu. Ħafna kumpaniji tal-manifattura sostnew li żiedu l-produzzjoni f’dawn l-aħħar xhur, filwaqt li qalu li qed jistennew aktar titjib fix-xhur li ġejjin. Għalhekk sostnew li se jkunu qed iżidu n-numru ta’ impjegati magħhom. Dan jikkuntrasta mal-pessimiżmu li qed jirrenja fost l-azjendi industrijali madwar il-bqija tal-Ewropa.

 Fl-istess ħin, mill-bidu tal-2015, l-operaturi Maltin fis-servizzi qed jesprimu l-ogħla livell ta’ kunfidenza ekonomika fl-aħħar ħames snin. Dawn l-azjendi għandhom ukoll l-ogħla livell ta’ ottimiżmu minn fost l-operaturi kollha f’dan is-settur fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Ħafna mill-operaturi Maltin fil-qasam tas-servizzi sostnew li l-qagħda tagħhom tjiebet, li għandhom aspettativi anke aħjar għax-xhur li ġejjin u li se jkomplu jżidu l-ħaddiema.  

 Il-familji f’pajjiżna huma fost il-ftit fl-Ewropa li qed jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom qed titjieb u li qed jistennew aktar titjib fix-xhur li ġejjin. L-ottimiżmu fost il-familji huwa tali li dawn qed jistennew tnaqqis akbar fil-qgħad anke meta dan diġà niżel għall-inqas livell fl-istorja ta’ pajjiżna. F’Mejju, ġiet osservata l-akbar maġġoranza ta’ konsumaturi li qatt sostnew li l-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna tjiebet.

More in Politika