“Fil-jiem li ġejjin se tkun qed tinżamm laqgħa oħra bejn il-pajjiżi tal-hekk imsejjaħ ‘Trio’, jiġifieri l-pajjiżi li se jkollhom il-Presidenza bejn Jannar 2016 u Ġunju 2017 – l-Olanda, is-Slovakkja u Malta – f’Bratislava, is-Slovakkja.
F’din il-laqgħa se jiġi diskuss l-ewwel abbozz tal-programm tat-Trio, sabiex wara aktar evalwazzjonijiet interni, eventwalment jiġi approvat uffiċjalment il-programm tal-Presidenza ta’ Malta.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Kunsill tal-UE 2017 u għall-Fondi Ewropej, Ian Borg.
Borg, li kien qiegħed jindirizza laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC fil-preżenza tal-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli, ħabbar aktar dettalji dwar il-preparamenti u l-iżviluppi tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2017.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li dan huwa tragward importanti li se jkun qed jiddefinixxi l-qafas tal-Presidenza Maltija. “Fil-fatt, fost il-prijoritajiet ta’ Malta, fuq nett tal-aġenda, ser inkunu qed nimbuttaw ’il quddiem setturi bħall-Mediterran u l-Immigrazzjoni. F’dawn l-oqsma kollha, il-pożizzjoni ta’ Malta se tkun qed tiġi mħarsa sabiex jinżamm ir-ritmu li nqabad f’dawn l-aħħar ġimgħat.”
Borg qal ukoll li huwa mistenni li r-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tista’ tkun qed tiġi konkluża proprju matul il-Presidenza Maltija u dan jitfa’ aktar responsabbiltà fuq il-preparamenti u l-ħidma tagħna.
Huwa rrefera wkoll għas-sitwazzjoni fir-Renju Unit u qal li kif inhu mistenni, Malta se tkun qed issegwi mill-qrib kull żvilupp li se jkun qed iseħħ fid-dawl tar-referendum imwiegħed mill-Prim Ministru Ingliż, David Cameron. Żied jirrimarka li r-Renju Unit jibqa’ membru fit-Trio suċċessiv għal dak ta’ Malta u allura bl-ebda mod mhux mistenni li jkun hemm xi impatt mill-aspett loġistiku fil-preparamenti tagħna, tkun xi tkun iċ-ċirkostanza f’dan ir-rigward.