Impenjati favur sistema ta’ ġustizzja reparatriċi – Carmelo Abela

 Dan is-servizz se jinbeda billi ikun offrut darbtejn fil-ġimgħa

Il-Ministri Carmelo Abela u Anton Refalo waqt l-inawgurazzjoni
Il-Ministri Carmelo Abela u Anton Refalo waqt l-inawgurazzjoni

“Il-Gvern se jibqa’ impenjat favur is-sistema ta’ Ġustizzja reparatriċi mmirata sabiex tnaqqas il-piż mill-popolazzjoni karċerarja filwaqt li tassigura li dawk li wettqu r-reat jingħataw pjan ta’għajnuna mfassal skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom.” Dan qalu l-Ministru Carmelo Abela waqt żjara fl-uffiċċju l-ġdid tal-Probation u l-Parole fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fejn ħabbar li s-servizzi tal-Probation u l-Parole se jibdew ikunu offruti wkoll mill-gżira Għawdxija.

Abela qal li l-aħħar statistika turi li dan id-Dipartiment qiegħed jieħu ħsieb aktar minn 1,000 każ ta’ sanzjonijiet fil-kommunità, bir-rata ta’ dawn il-każijiet prevvista li tkompli tiżdied kull sena kemm f’Malta u Għawdex. “Din l-istatistika turi l-fiduċja tal-Qrati tal-Maġistrati fis-servizzi offruti mid-Direttorat tal-Probation u l-Parole. Il-fatt li l-Qrati qegħdin jirreferu aktar każijiet lil dan id-Direttorat, turi l-kredibilità li kisbu sentenzi mwettqa fil-kommunità f’għajnejn il-Ġudikatura.” 

Il-Ministru spjega wkoll li f’dan il-qasam il-prijorità dejjem tibqa’ li jintlaħaq bilanċ bejn il-ħarsien tas-sigurtà tal-pubbliku u r-rijabilitazzjoni tà min ikun iwettaq ir-reat. Huwa rrefera għas-sistema tal-Parole li turi biċ-ċar il-kawtela li din titħaddem biha fejn fis-sena 2013 minn 92 applikazzjoni ngħataw 4 liċenzji tal-Parole u fl-2014 ingħataw 20 liċenzja minn 101 applikazzjoni. “Din is-sena s’issa kien hemm 51 applikazzjoni u ngħataw 12 il-liċenzja. Mis-sena 2013, 10 persuni temmew b’suċċess il-perjodu ta’ parole tagħhom, sinjal ċar li l-Parole tingħata biss li l-dawk li jkunu urew li ħaddmu għaliha bil-fatti.”

 Tkellem ukoll fuq l-importanza  li għandha tingħata lir-rijabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni  tal-persuna. F’dan ir-rigward huwa rrimarka li fis-sena 2014 ngħataw 32 sentenza ta’ ordni ta’ xogħol fil-kommunità u fis-sena 2015 ngħataw 17, filwaqt li ħeġġeġ il-Qrati sabiex ikomplu jżidu t-twemmin tagħhom f’din it-tip ta sentenza.

Il-Ministru temm jgħid li d-Dipartiment tal-Probation u l-Parole jinkludi wkoll żewġ psikologi għall-benefiċċju tà dawk li jkollhom bżonn għajnuna psikoloġika biex jindirizzaw il-problemi ta’ imġieba tagħhom. 

Tkellem ukoll il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, li semma’ kif dan huwa pass żgħir imma sinjifikanti li juri r-rieda li jiġu offruti f’Għawdex servizzi li s’issa kienu offruti f’Malta biss. Huwa nnota kif f’din il-leġiżlatura infetħu aktar uffiċini f’Għawdex bħal e-Residence, LEAP,  kif ukoll l-Uffiċċju Reġjonali tal-Istatistika, servizzi li jservu biex jinġieb iktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.  

Il-Ministru Refalo rrimarka li bil-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju, is-superviżjoni tal-klijenti tkun tista’ issir fuq bażi aktar regolari għal klijenti Għawdxin ukoll filwaqt li jinqata kull skariġġ ta’ vjaġġar jew li l-klijent ikollu jieħu ġranet apposta maqtugħ mix-xogħol sabiex ikun jista’ jżomm kuntatt mal-Uffiċjal tal-Probation.

Dan is-servizz se jinbeda billi ikun offrut darbtejn fil-ġimgħa bil-ħsieb li issir evalwazzjoni tiegħu biex jiġi identifikat jekk hemmx bżonn li jiġi offrut aktar frekwenti fil-ġimgħa.

More in Politika