“Id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern mexa bl-aktar mod trasparenti.” Dan qalu dalgħodu s-Segretarju Parlamentari għas-Simplifikazzjoni Michael Falzon b’referenza għal rapport ippubblikat ilbieraħ f'The Sunday Times of Malta u li kien jittratta esproprjazzjoni ta' proprjetà li tinsab fi Triq Żekka, il-Belt.
Ir-rapport kien jgħid li Mark Gaffarena xtara parti mill-proprjetà fi Frar li għadda għal €139,762 u li mbagħad il-Gvern għamel espoprjazzjoni tagħha f’April fejn l-istess Gaffarena tħallas kumpens ta' €822,500 f'artijiet u flus u b’hekk għamel profitti ta' €685,000 f'inqas minn xahrejn.
Michael Falzon saħaq li ma kien hemm ebda indħil minn naħa tal-Gvern u li kollox sar skont il-liġi. Sostna li kollox kien kopert minn stimi ta' periti diversi.