“Jidher li kemm fis-soċjetà kif ukoll l-istakeholders kollha fis-suġġett qegħdin jaqblu li jkun hemm reġistru volontarju għad-donazzjonijiet tal-organi.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne fi tmiem seminar dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar id-donazzjoni tal-organi.
“Dan ir-reġistru għandu jorbot id-deċiżjoni li tkun ħadet il-persuna matul ħajjitha, kemm jekk tixtieq tkun donatur u kemm jekk le. Iżda m’għandux ikun obbligatorju u dawk li ma jkunux esprimew xewqa matul ħajjithom, ikunu qrabathom li jieħdu din id-deċiżjoni wara mewthom” spjega Fearne.
Is-Segretarju Parlamentari qal li għandna rata għolja ħafna ta’ persuni li meta ffaċċjjati bid-deċiżjoni jekk jagħtux l-organi jew le jagħżlu li jagħtuha. “Parti importanti mid-donaturi tal-organi huma nies ħajjin u li għalhekk għandhom ikunu protetti wkoll id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, kif ukoll jibqgħu jkunu protetti matul ħajjithom.”
Fearne qal ukoll li fejn jidħlu donazzjonijiet minn donaturi ħajjin, il-prinċipju li din ma ssirx għall-element kummerċjali se jibqa’ jkun imħares. Id-direttur kliniku ta’ Mater Dei, Joseph Zarb Adami qal li f’dan ir-rigward għandna niċċelebraw is-suċċessi tal-passat.