Is-servizz mogħti mill-membri tal-Korp tal-Pulizija ġie rikonoxxut. Mija, tnejn u ħamsin uffiċjal tal-pulizija kienu rikonoxxuti għas-servizz twil u effiċjenti tagħhom f’ċerimonja ppreseduta mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Abela rringrazzja lil dawn il-membri għas-servizz eżemplari li offrew f’ħidmiethom. Huwa semma kif bħalissa għaddej bi proċess ta’ konsultazzjoni mal-membri tal-Korp fejn diġá żar aktar minn tletin għassa u diversi skwadri speċjalizzati. F’dawn il-laqgħat qiegħdin jiġu nnutati l-ideat ġodda, l-potenzjal u l-entużjażmu żgħażugħ, fejn diversi membri qegħdin b’ottimiżu jgħaddu s-suġġerimenti tagħhom. Il-Ministru ħeġġeġ sabiex aktar pulizija ma jibżgħux jersqu ‘il quddiem bil-proposti tagħhom. Huwa semma li wasal iż-żmien li l-korp jibda jindirizza l-isfidi kemm preżenti u dawk futuri li għandu quddiemu. “Wasal iż-żmien li nixprunaw mentalità ġdida u ma nibżgħux mill-bidla li biha nimmiraw aktar fl-għoli sabiex b’hekk intejbu s-servizz offrut lis-soċjetà”, tenna l-Ministru Carmelo Abela.
Huwa enfasizza li l-ħidma tiegħu ser tkun waħda ffukata li tassigura li l-pulizija jagħmlu xogħol ta’ Pulizija u jagħtu aktar prijorità lill-preżenza u l-ħidma tagħhom fil-komunità. Huwa temm billi appella lill-membri tal-pubbliku u lill-mezzi tax-xandir biex isaħħu r-rispett u l-apprezzament tagħhom lejn il-ħidma pprovduta mill-membri tal-Korp tal-Pulzija. Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija rrimarka li din kienet ġurnata importanti għall-dawk preżenti għaliex dawn ir-rikonoxximenti prestiġjużi huma xhieda ta’ kontribut siewi, kemm lejn il-Korp tal-Pulizija kif ukoll lejn ir-Repubblika ta’ Malta.
F’din iċ-ċerimonja mija u sbatax minn dawn l-uffiċjali ngħataw il-Medalja ta’ Servizz Twil u Effiċjenti, li jikkommemora tmintax-il sena ta’ servizz. Tmienja u għoxrin uffiċjal irċevew dik li tissejjaħ il-First Clasp u sebgħa s-Second Clasp, li jirrikonoxxu ħamsa u għoxrin u tletin sena ta’ servizz rispettivament. Ħamsa u għoxrin minn dawn huma nisa filwaqt li tmintax –il uffiċjal irtirati rċevew wkoll dawn id-dekorazzjonijiet.