Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal kif il-Partit Nazzjonalista qed jopponi għall-bini tal-Università li qed tiġi pproposta li tinbena f'Zonqor Point f'Wied il-Għajn. Busuttil qal li dan se jkun 'stupru ambjentali' u jkun ta' periklu għal żoni oħra ODZ.
Wara li dar fiż-żona proposta mal-ġurnalisti, Simon Busuttil qal li din l-art proposta, li parti minnha hija privata, mhux talli tkun qed tisraq parti sostanzjali ta' art mill-pubbliku imma tkun qed titfa' fil-periklu żoni oħra ta' ODZ.
"Jekk ikun hemm żvilupp f'din iż-żona, żoni oħra barra miż-żoni tal-iżvilupp ma jkunu siguri."
Ix-shadow minister għall-Ambjent Marthese Portelli u x-shadow minister tal-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia wkoll urew it-tħasib tagħhom dwar dan il-proġett.
Huma qalu li l-Gvern "irid jiżviluppa din l-hekk imsejħa Università Amerikana, li la hija Amerikana u lanqas università propja." "Din l-art tintuża wkoll mill-bdiewa u jekk ikun hemm żvilupp fiha, tista' ġġib fil-periklu l-ħidma tagħhom," żiedu jgħidu l-kelliema.
Busuttil iddubita wkoll l-integrità tal-MEPA, li kienet involuta fl-identifikazzjoni u l-għażla tas-sit. Qal ukoll li dan huwa eżempju klassiku ta' kif qed jaħdem dan il-gvern. "Kif tista' l-MEPA, li hi l-entità li suppost tissalvagwardja l-art u l-ambjent tkun imparzjali fil-proġett meta hija diġà involuta fih?" staqsa Busuttil. Żied jgħid li din timxi ma' dak li jiddeċiedi Joseph Muscat.