Fi stqarrija, ix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi qal kif fid-dawl tar-rapporti li ħarġu llum, jidher li teżisti diskriminazzjoni fil-liġi tal-Identità tal-Ġeneru li għaddiet mill-Parlament fil-ġimgħat li għaddew.
Għalhekk, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tiproponi li titressaq emenda fil-Parlament biex jiġi assigurat li din il-liġi ma tkunx waħda diskriminatorja.
Kif inhi l-liġi bħalissa,din ma tapplikax għal min ikun addottat f’pajjiżna, u għalhekk inħolqot sitwazzjoni ambigwa fejn persuna li twieldet Malta u tkun biddlet is-sess tiġi rikonoxxuta mil-liġi, filwaqt li persuna li tkun addottata f’pajjiżna u biddlet is-sess, ma tkunx rikonoxxuta mill-liġi.
Minħabba f'hekk, l-Oppożizzjoni qed tipproponi li f'din il-liġi, wara d-definizzjoni ta’ ‘nutar’, jiżdied ukoll:
“Kull fejn fl-Att prinċipali hemm imniżżel ‘att tat-twelid’, dan jinkludi wkoll digriet ta’ adozzjoni li jkun imniżżel fir-Reġistru tal-Persuni Addottati mwaqqaf bl-Artiklu 269 tal-Kodiċi Ċivili.”
Azzopardi jtemm jgħid kif dan hu eżempju konkret ieħor ta’ kemm l-Oppożizzjoni hija waħda proattiva.