L-eks Kummissarju Malti John Dalli tilef il-każ tiegħu kontra l-Kummissjoni Ewropea, hekk kif il-Qorti Ġenerali tal-UE ddeċidiet li l-Kummissarju Malti "irreżenja b'mod volontarju f'laqgħa mal-President Barroso fis-16 ta' Ottubru 2012."
Il-Qorti ddeċidiet li ma saret l-ebda talba formali għar-riżenja minn Barroso. Barroso, skont il-Qorti, fi stadji primarji tal-laqgħa kien qal li "minħabba li s-Sur Dalli ma setax jipprovdi spjegazzjoni sħiħa u konvinċenti meta ġie ppreżentat bil-konklużjonijiet tal-OLAF, huwa għandu jitlaq mill-Kummissjoni."
Aktar kmieni...
L-attenzjoni llum mistennija terġgħa ddur fuq il-każ tal-eks kummissarju Malti John Dalli, hekk kif illum mistenni jidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, wara dak kollu li seħh fl-iskandlu tat-tabakk.
Dalli kien ġie sfurzat jirriżenja mill-President tal-Kummissjoni ta' dak iż-żmien Josè Manuel Barroso, wara li soċju tiegħu kien akkużat li talab €60 miljun lil Swedish Match, produttur ewlieni tal-isnus Żvediż - u dawn sabiex Dalli jgħin biex tinbidel ir-regolazzjoni Ewropea dwar it-tabakk, li dak iż-żmien kienet taqa' taħt id-dekasteru tiegħu. Dalli kien ċaħad li kien jaf b'dan l-allegat tixħim. Dan il-każ imur lura lejn l-2012.
Rapport tal-OLAF kien allega li dan it-tixħim ma affettwax il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kummissjoni, u li Dalli ma kienx involut fl-ebda parti mill-proċess - iżda li kien jaf xorta waħda x'kien qiegħed jiġri. Kien b'hekk li l-Kummissjoni talbet lil Dalli jirriżenja.
L-eks kummissarju Malti allega li ntalab jirriżenja b'mod inġust. Dalli kien imkeċċi hekk kif inkixef li ltaqa' ma lobbyists tat-tabakk waqt li d-dipartiment tiegħu kien qed ifassal legiżlazzjoni dwar it-tabakk.