Il-bidla fil-kariga ta' Chris Said ma kinetx promozzjoni - Ian Borg

Fost it-temi diskussi waqt il-programm Reporter; l-iskandlu ta' Għawdex

Il-każ ta’ Għawdex u l-allegazzjonijiet li saru xogħlijiet fil-privat, b’fondi pubbliċi għall-voti ilu jiddomina x-xena politika lokali għal dawn l-aħħar ġimgħat, bir-riperkussjonijiet ikunu serji, bħar-riżenja ta’ Giovanna Debono mill-Partit Nazzjonalista u l-fatt li Anthony Debono tressaq il-Qorti dwar l-istess allegati xogħlijiet.

Propju din kienet waħda mit-temi li ġew disussi waqt il-programm Reporter immexxi minn Saviour Balzan, flimkien mal-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg, Alex Sciberras u Simon Mercieca.

Is-Segretrju Parlamentari Ian Borg semma l-Whistle blowers’ Act li jgħid li kien bis-saħħa ta’ amministrazzjoni Laburista li qed jinkixfu dawn il-każi, u dan waqt li appella biex ma jkunx hemm ottimiżmu żejjed għaliex dan il-whstle blower ħareġ jitkellem minħabba li ma tħallasx għal xogħlu.

Min-naħa tiegħu, il-viċi kap tal-PN Beppe Fenech Adami qal li l-istandards tal-PN kienu ċari u meta jkun hemm każi bħal dawn fejn jitressqu n-nies il-Qorti u l-pożizzjoni tal-persuna ma tibqax tenibbli fil-partit, ikollha titneħħa u f’dan il-każ, Giovanna Debono lanqas ma kienet hi, li hi involuta direttament. “Għamilna standard għaliex 10 minuti wara li r-raġel ta’ Giovanna Debono tressaq il-Qorti, ir-raġel tagħha, kien hemm ir-riżenja.”

Dan qalu waqt li għamel il-paragun ma’ dak li qed isir fil-Partit Laburista, li qal li l-Ministru t’Għawdex għandu ħafna allegazzjonijiet għal xiex iwieġeb imma mhux qed jiġri l-istess bħal ma ġara fil-PN. “Hemm differenza kbira għaliex Anton Refalo għad għandu l-Prim Ministru u l-Gvern kollu jaqbeż għalih.”

Filwaqt li kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat li “għandu jkun hemm id-distakk familjari biex jgħin sabiex ikun hemm aktar fiduċja fil-politika,” kif qal Alex Sciberras, Beppe Fenech Adami qal li dan mhux qed jiġi mwettaq mill-PL meta mart il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo taħdem fl-istess ministeru ta’ żewġha.

Minbarra l-mara tal-Ministru Anton Refalo, Beppe Fenech Adami semma wkol lil mart Konrad Mizzi li qed taqla €13,000 fix-xahar, u Cyrus Engerer li qed jaqla €85,000 fis-sena f’Dar Malta fi Brussell. Għal dan, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg semma kif, fl-istess Dar Malta, assistenti ta’ Simon Busuttil kienu nħatru f’karigi jumejn qabel l-elezzjoni u jgħid kif, “La qed insemmu li affarjiet bħal dawn kienu jseħħu fl-1987, naraw li f’25 ma nbidel xejn.”

Alex Sciberras isaqsi x’kien isir li kienu dan il-każ feġġ fl-2008 meta kienet tkun sitwazzjoni ferm differenti, waqt li sostna li b’atteġjament bħal dan il-politiċi jkunu qed jinsultaw l-intelliġenza tal-poplu.

Simon Mercieca semma kif għalkemm suppost hemm regoli li jitolbu li ma jkun hemm l-ebda ingaġġ ta’ ħaddiema maċ-ċivil fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni, dan mhux neċessarjament li jsir dejjem.

Dwar il-kultutra poltika, Mercieca kompla jgħid, “Il-kultura politika jekk ma jibdluwiex il-politiċi, se jibdluha n-nies u dan deher mill-fatt li l-PN naqqas id-distakk mal-PL bin-nofs,” Simon Mercieca jsemmi wkoll kif kwistjonijiet bħal dawn iwassal biex ikun hemm ċans li jtellfu l-elezzjoni lil PL.

Dwar il-kariga vakanti ta’ Segretarju Ġenerali fil-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami faħħar ix-xogħol li għamel Chris Said fejn qal li f’temp ta’ sentejn f’din il-kariga, irnexxielu jikseb riżultati tajbin, imma attriwbixxa l-fokus il-ġdid li qed jintalab jieħu minħabba li hemm bżonn li jkun hemm persuna ffukata fuq Għawdex

Ian Borg jemmen li l-fatt li Chris Said intalab jiffoka fuq Għawdex, ma kienet l-ebda promozzjoni għalih u mhux sempiċement biex ikun hemm iktar attenzjoni fuq il-gżira Għawdxija. Alex Sciberras kompla ma’ dak li semma Ian Borg, fejn sostna li jekk is-segretarju ġenerali kien qed jagħmel xogħol tajjeb, ma tagħmilx sens li dan jitneħħa mill-kariga u jkun l-inqas segretarju ġenerali li dam fil-kariga.

Il-viċi kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami temm jgħid li x’jagħmel il-persuna huwa iktar importanti milli jekk hux membru Parlamentari jew le għaliex fl-istorja rriżulta li l-persuni li okkupaw din il-kariga, ħadmu tajjeb.

 

More in Politika