L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi dalgħodu qal li hu qatt ma kien jaf jew issuspetta li r-raġel tal-eks Ministru għal Għawdex Giovanna Debono kien qed juża fondi pubbliċi għal xogħlijiet privati għal kostitwenti Għawdxin.
Ilbieraħ, Giovanna Debona ħabbret li tat l-ittra tar-riżenja tagħha mill-Partit Nazzjonalista, għalkemm mhux se tkun qed iċċedi s-siġġu parlamentari tagħha.
Wara li ħarġet bl-istorja l-gazzetta MaltaToday, Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru tressaq il-Qorti fuq akkużi li uża fondi tal-Ministeru sabiex jikkummissjona xi xogħlijiet għall-kostitwenti.
Meta kien qed jitkellem quddiem il-bini tal-Parlament il-ġdid, Lawrence Gonzi qal li Giovanna Debono dejjem ħadmet b'mod leali fil-konfront tal-partit u bl-onestà.
Meta mistoqsi dwar jekk jaħsibx li għandha ċċedi postha, Gonzi qal li din kienet deċiżjoni li kellha tieħu Debono stess.
Iktar kmieni dalgħodu, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi flimkien ma' martu Kate ġew imdawra mal-bini l-ġdid tal-Parlament mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Busuttil min-naħa tiegħu rringrazzja lil Gonzi tal-'kuraġġ u viżjoni' li kellu li wasslet għal dan il-proġett li sewa mad-€90 miljun.
Busuttil iddeskriva dan il-Parlament bħala 'post denju għall-parlament u għall-pajjiż'.
Waqt li sejjaħħlu bħala 'id-dar tal-poplu', Busuttil qal li l-Oppożizzjoni mistennija tkun il-vuċi tal-poplu fi ħdan il-parlament u tiżgura li l-bini jkun aċċessibbli għall-poplu.