
L-aqwa rata ta' tkabbir fl-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea tbassar li Malta se jkollha dan l-aqwa tkabbir

More in Politika
Il-Kummissjoni Ewropea tbassar li Malta se jkollha dan l-aqwa tkabbir
Wara li s-sena li għaddiet pajjiżna kellu t-tieni l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, issa l-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li din is-sena se jkollna l-ogħla rata.
Fl-aħħar tbassir tagħhom l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed isostnu li, din is-sena, il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna se jikber bi 3.6%. Dan huwa aktar minn punt perċentwali akbar, jew kważi darba u nofs it-tkabbir ekonomiku li pajjiżna ra fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
Imqabbel mat-tbassir li kien sar fi Frar il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ‘l fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta fl-2015 b’0.3%. Dan meta fi Frar kienet diġà rrevediet it-tkabbir b’0.4% meta mqabbel mat-tbassir li kienet għamlet f’Novembru.
Għalhekk ifisser li f’sitt xhur il-Kummissjoni Ewropea għolliet it-tbassir tagħha għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna din is-sena b’0.7%.
FI stqarrija, il-Gvern qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tbeżża’ li l-konsum privat sejjer ħażin u li l-ħwienet qed jagħmlu t-telf, skont il-Kummissjoni Ewropa Malta se jkollha l-akbar żieda fid-domanda domestika fl-Unjoni Ewropea. Il-Kummisjoni qed tbassar żieda ta’ 6.1%, li hija l-ogħla li qatt ġiet irreġistrata f’pajjiżna.
Dan it-tbassir huwa d-doppju tat-tbassir li kien sar fi Frar, u jindika kemm il-Kummissjoni Ewropea hija impressjonata biż-żieda fid-dħul disponibbli tal-familji tagħna u biż-żieda fl-investiment.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tara l-bozoz ħomor, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar żieda fl-investiment f’Malta ta’ 19.9% din is-sena, l-akbar żieda fost il-pajjiżi kollha.
Dan it-tbassir huwa aktar mid-doppju ta’ dak li kien sar fi Frar mill-Kummissjoni Ewropea, meta dakinhar kienet bassret 8%. Ta’ min ifakkar li s-sena li għaddiet l-investiment f’pajjiżna diġà żdied b’14%.
Reviżjoni oħra li għamlu l-ekonomisti tal-Kummissjoni Ewropea kienet fiż-żieda fl-impjiegi. Minkejja li s-sena li għaddiet pajjiżna kellu l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, xorta l-ekonomisti tal-Kummissjoni ħassew il-bżonn li jirrevedu ż-żieda għal din is-sena minn 2% fi Frar għal 2.4% issa.
Dan ifisser li f’Malta l-impjiegi se jiżdiedu bi tliet darbiet aktar mill-bqija tal-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ hekk pajjiżna se jkompli jkollu l-anqas rata ta’ qgħad fl-istorja tiegħu skont il-Kummissjoni Ewropea.
Finalment il-Kummissjoni rrevediet ‘l isfel it-tbassir tagħha tal-iżbilanċ tal-Gvern. Dan issa mistenni li jinżel għal 1.8% din is-sena meta sa Novembru li għadda t-tbassir kien ta’ 2.6%. Fl-2016 id-defiċit mistenni jkun 1.5%.
L-istess fejn jidħol id-dejn nazzjonali. Filwaqt li sa Novembru l-Kummissjoni Ewropea kienet qed tbassar li d-dejn fl-2016 kien se jkun 69.8% tal-ġid nazzjonali, dan issa ġie rivedut għal 65.4%. Dan ifisser l-anqas livell ta’ dejn nazzjonali mill-2008 'l hawn.
Il-Gvern jilqa’ dan it-tbassir ottimista fuq il-prospetti tal-ekonomija tagħna.
"Huwa inkorraġġanti kif il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ‘il fuq it-tbassir tagħha għax dan juri li qed tintrebaħ lura l-fiduċja li kienet intilfet taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Il-Gvern preżenti se jkompli jwettaq dak li jwiegħed u jaħdem favur il-familji u n-negozji ta’ pajjiżna," temmet tgħid l-istqarrija.