"Jiena naċċetta r-riżenja ta' Giovanna Debono mill-Partit Nazzjonalista kif ukoll mill-grupp parlamentari Nazzjonalista." Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil f'konferenza stampa li indirizza ftit tal-minuti ilu, ftit wara li Giovanna Debono ddikjarat li kienet ħa tirreżenja mill-Partit Nazzjonalista ftit tal-minuti wara li tressaq ir-raġel tagħha fil-Qorti t'Għawdex.
Anthony Debono, ir-raġel tal-eks ministru għal Għawdex huwa akkużat li uża finanzi pubbliċi sabiex ikkummisjona xogħlijiet privati għall-kostitwenti. Huwa wieġeb mhux ħati.
Intant, Busuttil kkonferma li Giovanna Debono ħa żżomm is-siġġu tagħha fil-Parlament bħala membru indipendenti.
Sostna wkoll li din hija daqqa ta' ħarta oħra għall-preżenza tal-PN f'Għawdex, wara li għall-ewwel darba kien hemm maġġoranza Laburista fil-lokalitajiet Għawdxin. Saħaq kif irid jieħu "kull pass neċessarju sabiex iżid il-preżenza tal-PN f'Għawdex", u li huwa b'hekk li talab lis-Segretarju Ġenerali Chris Said jieħu lil Għawdex f'idejh, billi ma jerġax jikkontesta għall-pożizzjoni ta' segretarju ġenerali tal-Parti, sabiex ikun jista' jiffoka aktar fuq Għawdex.
"Jien irrid lil Għawdex fortizza tal-PN", saħaq Busuttil, hekk kif qal li jrid lil Għawdxin iħossu li l-PN hu "id-dar naturali" tagħhom."
"Meta għidt li rrid stil differenti ta' politika, dan ma kienx kliem fil-vojt, issa qed inwettaqha fil-prattika," qal Busuttil, fejn qal li dan huwa pass ieħor sabiex ibiddel il-mod ta' kif issir il-politika f'Malta.