Hekk kif ġiet imħabbra uffiċjalment l-Università fl-1 ta' Mejju mill-PM Joseph Muscat, aktar kmieni llum il-gvern iffirma l-ftehim mal-investitur Hani Salah - is-CEO u chairman tal-Grupp Sadeen, fejn b'hekk ġiet approvata b'mod uffiċjali l-Università fin-Nofsinhar ta' Malta.
Dan il-proġett qajjem kontroversja fuq is-sit propost għall-iżvilupp tagħha.
L-università l-ġdida De Paul mistennija li tospita 4,000 student, fejn diġà baghtet xi wħud mill-kretti universitarji minkejja li kien hemm applikazzjoni għadha pendenti. Il-korsijiet jinkludu amministrazzjoni ta' negozju, finanzi, graphic design u animazzjoni, game development, u computer science - flimkien ma 60 kors ieħor li għadhom fit-tħejjija.
Filmat qasir wera x'direzzjoni hija proposta għall-università, li ħa tkun magħmula minn 5 kulleġġi. L-għan ewlieni ħa jkun l-edukazzjoni fit-teknoloġija u s-sistema tas-saħħa. Campuses oħra tad-De Paul jinstabu f'Pariġi, Ruma, il-Kajr u Beirut. L-għan tal-kampus f'Malta huwa li jattira studenti mill-Ewropa, mil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta' Fuq u l-Istati tal-Gulf.
Intant f'diskors li ta waqt iċ-ċerimonja, il-PM Joseph Muscat qal li dan hu pass importanti sabiex Malta ssir ċentru għall-edukazzjoni. Semma kif hemm proġetti edukattivi oħra bħalma hija l-iskola medika f'Għawdex u l-arranġament mill-ġdid ta' St. Luke's.
Muscat sostna kif dan huwa l-akbar investiment li qatt ra n-Nofsinhar ta' Malta. Huwa ma eskludiex li jiġu kkunsidrati siti alternattivi.