
Il-Gvern lest jikkunsidra l-proposta tal-AD dwar l-Università Amerikana
L-AD proponiet li l-proġett tal-Università Amerikana jsir fil-Fort Ricasoli

More in Politika
L-AD proponiet li l-proġett tal-Università Amerikana jsir fil-Fort Ricasoli
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat qal li kieku jkun ideali li ż-żoni barra l-iżvilupp (ODZ) ma jiġux żviluppati u ma jsir l-ebda proġett fuqhom. Dan fid-dawl tal-proġett tal-Università Amerikana li hu ppjanat li jinbena fiż-żona qrib Zonqor Point. Brincat kompla jgħid li għalkemm hu ideali li dawn l-ODZ ma jintmessux, ikun hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li però "dawn il-kwistjonijiet ġenerali ma jsirux l-ordnijiet tal-ġurnata." Dan qalu fil-programm Reporter immexxi minn Saviour Balzan fejn kienu qed jiġu diskussi bosta temi ambjentali.
Min-naħa tiegħu, il-kelliem tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo spjega kif l-iżvilupp m'għandux isir fuq art barra ż-żona tal-iżvilupp u għalhekk kompla jispjega għalfejn il-proposta tal-Alternattiva Demokratika li jintuża Fort Ricasoli għal dan il-proġett, tagħmel iktar sens. Cacopardo spjega kif jekk tintuża l-Forti Ricasoli, ma jkun hemm l-ebda żvilupp ġdid, anzi jkun hemm riġenerazzjoni ta' bini li jeħtieġ l-attenzjoni. Barra minn dan semma kif il-pożizzjoni tkun waħda ideali li tista' taħdem f'sinerġija ma' Smart City. Ikkritika wkoll lill-Gvern għaliex qal li l-Gvern ma jagħti l-ebda importanza lill-ambjent, "Fil-każ tal-Università Amerikana urejtu kemm l-ambjent ma jeżistix għalikom."
Ilkelliem tal-Oppożizzjoni għall-ambjent ukoll jaqbel fil-prinċipju ma' proġett bħal dan għaliex qal li huwa proġett pożittiv li jgħin kemm fl-ekonomija kif ukoll fl-aspett akkademiku, għalkemm jemmen li l-għażla al-post mhix waħda ideali.
Fost il-bosta temi li ġew diskussi waqt il-programm, issemmiet il-qasma li għandha ssir fil-MEPA fejn il-parti responsabbli mill-ambjent tiġi indipendenti minn dik responsabbli mill-ippjanar. Il-Ministru għadaqstant semma kif b'din il-qasma fil-MEPA, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ikun responsabbli mill-ippjanar waqt li titwaqqaf awtorità msejħa ERA li għandha tkun responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent li min-naħa tiegħu se jkun responsabbli mill-ambjent u r-riżorsi.
Fil-kritika tiegħu, il-kelliem Nazzjonalista Ryan Callus semma kif id-direttorat tal-Ambjent ilu għal dawn l-aħħar sentejn mingħajr direttur. Għal dan, il-Ministru brincat qal li jerfa' r-responsabbiltà kollha għaliex kien hu li żamm milli timtela din il-kariga. "Jien żammejt milli jkun hemm direttur tal-ambjent għaliex ma rridx li nispiċċaw ikollna direttur ieħor tal-ippjanar. Issa qed naħdmu fuq struttura biex ikollna mhux biss direttur tal-ambjent imma CEO, biex din l-entità tkun tista’ timxi kif suppost."
Meta mistoqsi dwar x'għamel b'md konkret dan il-gvern għall-Ambjent, Brincat elenka bosta proġetti bħal studji u verifiki dwar l-afforestazzjoni, il-Park tal-Majjistral, il-pjanijiet għall-estensjoni tal-Park tas-Salini u l-Park tal-Familja f'Wied il-Għajn li nstab b’diversi nuqqasijiet bħal miżuri ta’ saħħa u sigurtà u manutenzjoni. Minkejja dan, Ryan Callus semma kif ħafna minn dawn il-proġetti kienu proġetti li saru minn amministrazzjoni Nazzjonalista.
Il-Ministru Brincat temm jgħid li sabiex ikun sodisfatt dwar l-ambjent, irid iwettaq il-proġetti li hemm fil-manifest elettorali, u dan waqt li jiġu indirizzati b'mod partikolari l-kwalita tal-arja li hi sfida urgenti, kemm min-naħa ambjentali u ta' saħħa.