Hekk kif il-Parlament Ewropew addotta regoli ġodda ta' kif għandhom jiġu rappurtati l-emissjonijiet minn vapuri, l-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet li dan għandu biss ikun l-ewwel pass lejn sistema globali li tapplika għall-industrija marittima kullimkien l-istess.
Il-White Paper tal-elfejn u ħdax tal-Kummissjoni Ewropeja dwar it-Trasport tindika li l-emissjonijiet CO₂ mis-settur marittimu għandhom jonqsu b’minn tal-anqas 40% sal-elfejn u ħamsin fuq il-livelli tal-2005. Fir-realtà iżda minkejja id-dħul ta’ standards minimi tal-effiċjenza enerġetika għal ċertu kategoriji ta’ vapuri u minkejja teknoloġija ġdida, l-emissjonijiet mis-settur marittimu mistennija jkomplu jiżdiedu. Dan minħabba iż-żieda fid-domanda għat-trasport marittimu.
Fl-indirizz tagħha lill-Parlament Ewropew Miriam Dalli sostniet li s-sistema ta' moniteraġġ, rapurtaġġ u verifikazzjoni (MRV) ta' emmissjonijiet CO₂ m'għandux ikun limitat biss għal portijiet Ewropew u għandu jkun l-ewwel pass lejn it-twaqqif ta’ sistema globali li tkun tapplika l-istess għas-settur marittimu internazzjonali kollu.
"Meta wieħed iqis in-natura internazzjonali tat-trasport marittimu, allura huwa ċar li l-aktar metodu effettiv biex innaqsu l-emissjonijiet serra f’dan is-settur huwa ftehim globali fi ħdan l-Organizazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO)," qalet Dr Dalli.
Miriam Dalli żiedet tgħid li s-settur marittimu jista’ jikontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jekk ikun hemm miżuri regolatorji b’saħħithom, flimkien ma’ teknoloġiji ġodda u oħrajn eżistenti li flimkien jgħinu biex jonqsu l-emissjonijiet.