Jonqos il-qgħad fost il-persuni b'diżabbiltà

Jonqos il-qgħad fost il-persuni b'diżabbiltà b'117 f'din il-leġislatura

Waqt żjara li għamlet is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana fl-uffiċini tal-kumpanija Medavia fl-okkażżjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, semmiet kif il-Gvern kommess li ikompli jaħdem favur l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilita fis-soċjetà, speċjelment fis-settur tax-xogħol.

Dr Caruana enfassizzat fuq il-fatt li f’din il-leġiżlatura, il-qgħad fost il-persuni b’diżabilità naqas b’21 fil-mija għax 117 persuna b’diżabilità daħlu fid-dinja tax-xogħol. Hija qalet li dan huwa frott tal-miżuri li qegħdin jittieħdu minn dan il-Gvern kif imħabbra fil-baġit, fosthom l-inċentivi fiskali għal kull min jimpjega persuni b’dizabiltà.

Semmiet ukoll li is-Segretarjat Parlamentari li tmexxi hi qed jaħdem flimkien mal-ETC biex din is-sena jiġi mwettaq proġett ukoll imħabbar fil-baġit li permezz tiegħu ser jinħolqu 80 post tax-xogħol ta’ back office għall-persuni b’diżabilità f’Għawdex. Qalet kif is-sit fejn ser isir il-proġett ġie identifikat u x-xogħolijiet ser jiibdew mill-ġimghat li ġejjin. Dan is-sit ser ikun  l-ewwel Lifelong learning Hub għall-persuni b’diżabilità li se jħarreġ aktar nies jidħlu fis-settur tax-xogħol u ser ikun f’Għajnsielem.

Wara li ġiet imnedija l-Politika Nazzjonali ghall-Persuni b’dizabilita issa l-Gvern wasal fi stadju ta’ l-implimentazzjoni tagħha permezz ta’ strateġija li qed tiġi diskussa ma’ Ministeri varji. Semmiet ukoll li il-Gvern ressaq liġi biex il-lingwa tas-Sinjali Maltija tiġi rikonoxxuta bħala il-lingwa uffiċjali biex nippromwovu l-aġenda tal-persuni neqsin mis-smigħ.

 

Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana ikkonkludiet il-messaġġ tagħha billi faħħret il-kumpanija Medavia li tħaddem persuni b’diżabilita kif tirrekjedi wkoll il-liġi u qalet kif il-Gvern ser ikompli fuq it-triq li qabad biex iktar persuni b’diżabilità jidħlu u jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.

 

More in Politika