Fuq Twitter, il-Prim Ministru għadu kemm ħabbar li se jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa wara l-inċident li seħħ dalgħodu.
Il-Prim Ministru, fi tweet li tefa' iktar kmieni qal li għalkemm l-illegalitajiet naqsu ferm, dak li ġara illum fejn spanjulett inqatel u spiċċa f'bitħa ta' skola, huwa każ li mhux skużabbli. Għaldaqstant, il-Prim Ministru ddeċieda li jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa, tlett ijiem qabel kien se jingħalaq.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, intqal li qabel il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa l-Prim Ministru kien qal li mhux se jittollera li jkun hemm abbużi ċari.
Però, minkejja li matul dan l-istaġun l-abbużi naqsu drastikament permezz ta’ infurzar b’saħħtu u bil-kollaborazzjoni bejn dawk kollha involuti, l-inċident reġistrat illum huwa inġustifikabbli u fejn ma waslet l-ebda informazzjoni li setgħet twassal biex jinqabad il-kriminal li wettaqha.
"Għalhekk il-Gvern qed jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa b' mod immedjat," tkompli tgħid l-istqarrija, "u dan jerġa’ jibgħat sinjal b’saħħtu li abbużi simili spiċċa żmienhom u mhux se jibqgħu tollerati f’ pajjiżna."