Il-Prim Ministru Malti f'laqgħa mal-President tal-Ażerbajġan

Fost it-temi li ġew diskussi, kien hemm l-oqsma ta' koperazzjoni u investiment bejn iż-żewġ pajjiżi

Joseph Muscat f'laqgħa mal-President Aliyev tal-Ażerbajġan
Joseph Muscat f'laqgħa mal-President Aliyev tal-Ażerbajġan

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu ltaqa' mal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev fejn ġew diskussi iktar oqsma ta' koperazzjoni u investiment bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet li l-Ażerbajġan qed ikollha mal-Unjoni Ewropea.

Il-President Aliyev esprima sodisfazzjon li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Ażerbajġan qed jiżviluppaw b' mod pożittiv.

Il-President Aliyev qal li l-intenzjoni tal-Ażerbajġan hija li jagħmel ftehimiet ta' koperazzjoni ma' diversi pajjiżi Ewropej. Huwa qal li fil-fatt fl-aħħar ġimgħat ġew iffirmati seba' ftehimiet strateġiċi ma' membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom l-Italja, Rumanija, Bulgarija, l-Ungerija, Polonja, Litwanja u l-Greċja.

Il-Prim Ministru ppropona li l-koperazzjoni issa tiġi esplorata wkoll fil-qasam tal-edukazzjoni. Dan fl-isfond ta' ftehim li sar bejn l-Ażerbajġan u Franza fejn ġie ffirmat ftehim għall-ftuħ ta' Università bejn iż-żewġ pajjiżi waqt żjara tal-President Franċiż Francois Holland fl-Ażerbajġan nhar is-Sibt li għadda 25 ta' April 2015.

Joseph Muscat spjega t-tip ta' servizzi edukattivi li joffri pajjiżna u kien hemm qbil li dawn il-possibilitajiet jiġu eżaminati għaż-żmien li ġej.

Il-laqgħa bejn il-President tal-Ażerbajġan u l-Prim Ministru Malti saret fl-isfond tal-Konferenza Internazzjonali organizzata minn Nizami Ganjavi International Center, '3rd Global Shared-Societies Forum' li se tkun indirizzata minn mexxejja politiċi minn madwar id-dinja kollha, inkluż il-Presidenti tal-Bulgarija, Macedonia u messaġġi mingħand il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron, b’diskors mill-eks Segretarju tal-Istat Amerikan, Henry Kissinger, fost oħrajn.

More in Politika