Iż-żjara tal-Prim Ministru fl-Ażerbajġan, ilha xahar ikkonfermata

L-Oppożizzjoni tistaqsi x'inhu dan l-interess li Joseph Muscat għandu fl-Ażerbajġan

Il-belt ta' Baku fl-Ażerbajġan
Il-belt ta' Baku fl-Ażerbajġan

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija staqsa għalfejn il-Prim Ministru għandu dan l-interess kollu fl-Ażerbajġan, waqt li sostnew li kellhom ikunu l-mezzi tax-xandir li għat-tieni darba f'erba' xhur, jikxfu l-fatt li Joseph Muscat jinsab fuq żjara fl-Ażerbajġan.

Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni sostniet li qed tistenna li mar-ritorn tiegħu f'Malta, il-Prim Ministru jagħmel Stqarrija Ministerjali fil-Parlament li fiha jispjega għaliex reġa’ mar l-Ażerbajġan, u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni.

L-Oppożizzjoni kompliet issostni kif "Muscat, flimkien maċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, ilbieraħ waranofsinhar telqu minn pajjiżna lejn l-Ażerbajġan mingħajr ma nfurmaw lil ħadd. Joseph Muscat għażel li lanqas stqarrija lill-media ma jibgħat biex kulħadd ikun jaf b’din iż-żjara. Dan l-aġir huwa totalment l-oppost tal-wegħda tal-istess Muscat li se jkun qed imexxi l-aktar Gvern trasparenti fl-istorja."

Għal dan, l-Uffiċju tal-Prim Ministru wieġeb permezz ta' stqarrija li din iż-żjara kienet ilha li ġiet ikkonfermata madwar xahar, f'intervista li saritlu. fl-Ażerbajġan, il-Prim Ministru se jkun wieħed mill-kelliema ewlenin flimkien mal-President tal-Bulgarija, il-President tal-Maċedonja, l-ex Segretarju tal-Istat Amerikan Henry Kissinger, u numru ta’ personalitajiet politiċi ewlenin oħra waqt konferenza internazzjonali fl-istess pajjiż.

Il-Prim Ministru Malti qed iżur l-Ażerbajġan wara li nhar is-Sibt li għadda għamel żjara simili l-President Franċiż François Hollande. L-istess President Franċiż is-Sibt li għadda ffirma ftehim biex issir università bi sħab bejn iż-żewġ pajjiżi.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-Prim Ministru li jinsab akkumpanjat mix-xandir pubbliku u se jibqa’ kommess li jaħdem biex iġib aktar xogħol għal Malta u Għawdex.

More in Politika