
Żieda fin-numru ta' nisa eletti fil-Kunsilli Lokali
19.2% tal-kunsilliera eletti fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, kienu nisa

More in Politika
19.2% tal-kunsilliera eletti fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, kienu nisa
Minn fost il-224 kunsilliera eletti fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li għaddew, 43 minnhom kienu nisa. Dan ifisser 19.2% tal-kunsilliera kollha eletti - li hija żieda ta' 1.22% fuq l-istess elezzjonijiet tal-2012, meta l-persentaġġ ta' nisa eletti kien ta' 17.98%.
L-istudji juru li l-ċansijiet li tiġi eletta mara huma proporzjonali għall-persentaġġ ta' nisa li jikkontestaw. Fil-fatt, il-persentaġġ ta' kandidati nisa li kkontestaw dawn l-elezzjonijiet kien ta' 20.37%, waqt li dawk li ġew eletti kien ta' 19.2%. Dan jitqabbel tajjeb maċ-ċansijiet li kellhom l-irġiel, fejn il-persentaġġi ta' rġiel li kkontestaw u dawk li ġew eletti kienu ta' 79.63% u 80.8% rispettivament.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) uriet is-sodisfazzjon tagħha għal din iż-żieda reġistrata fin-numru ta' kandidati nisa eletti fil-11 ta' April. Il-Kummissjoni qalet li għalkemm dan huwa żvilupp pożittiv sabiex titkompla t-triq għal bilanċ bejn is-sessi fil-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet, tħoss li hemm il-bżonn li fi ħdan il-partiti politiċi, jiġi integrati aktar nisa, f'kull struttura tal-partit u f'kull livell. Dan filwaqt li jiġu nkoraġġuti aktar nisa sabiex jikkontestaw fl-elezzjonijiet.
Il-Kummissjoni żiedet tgħid li huwa importanti ħafna li jkun hemm strutturi ta' sostenn, bħal servizzi ta' childcare, sabiex jiġu indirizzati bżonnijiet speċifiċi ta' dawk in-nies li jikkontestaw u jiġu eletti f'dawn l-elezzjonijiet. Għaldaqstant, irid ikun hemm iktar impenn sabiex in-numru ta' nisa li jikkontestaw u dawk li jiġu eletti, jiżdied.
Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għaddejja b'diversi inizzjattivi sabiex tkompli tippromwovi rapreżentanza aktar bilanċjata, speċjalment fil-livelli fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. 'Id-Direttorju tan-Nisa Professjonali', jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu u se jiġi mniedi dalwaqt. L-għan ta' dan id-direttorju huwa li juri l-kompetenza ta' nisa professjonali fis-setturi varji, sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet tagħhom biex jiġu kkunsidrati għall-kumitati, bordijiet u rwoli importanti oħra.