“Mil-kliem irridu naqilbu għall-fatti u għalkemm ir-rieda politika hija tajba u inkoraġġanti, jeħtieġ li jsir iktar.” Dan kien kliem il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela f’ċerimonja qasira fejn poġġa xi fjuri fil-kamra mortwarja b’rispett lejn il-vittmi li tilfu ħajjithom fil-Mediterran fit-traġedji ta’ din il-ġimgħa.
Il-Ministru Abela saħaq li huwa inkoraġġanti li l-ministri tal-affarijiet barranin u dawk tal-intern irnexxielhom jiltaqgħu f’temp qasir biex jiddiskutu x’jista’ jsir dwar din il-kriżi, u issa dwar dan għandhom jiltaqgħu l-kapijiet tal-istat fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa biex tinstab soluzzjoni.
Waqt li sostna li din it-traġedja ilha ħafna li bdiet, kellu jkun dan il-każ li jċaqlaq il-komunità internazzjonali u partikolament il-membri tal-UE sabiex jagħmlu xi ħaġa.
“Din mhix xi ħaġa li għandhom jipparteċipaw fiha 2-3 pajjiżi,” kompla jgħid Abela waqt li żied li l-kwistjoni ta’ parteċipazzjoni volontarja trid titneħħa sabiex kulħadd jaħdem flimkien biex ikun hemm iktar ċans ta’ suċċess jekk ir-riżorsi li jingħataw ikunu ikbar.
Waqt li l-Ministru afferma li jeħtieġ li jkun hemm pjazz bl-azzjonijiet li jridu jsiru u ż-żminijiet stipulati li fihom għandhom isiru, qal li jsib konfort fil-messaġġ tal-Kummissarju Ewropew Dimitris Avramopoulos li qal “mhux se nħallukom waħedkom.”
Punt mill-pjan imsemmi huwa li jkunu fil-mira d-dgħajjes u l-bastimenti li jkunu involuti f’dan it-traffikar ta’ umani u meta mistoqsi dwar x’għandu jsir f’każ li dawn id-dgħajjes ikollhom fuqhom l-immigranti, l-Ministru tenna li l-prijorità għandha dejjem tkun li jiġu salvati l-ħajjiet tal-immigranti. “Il-Kwistjoni ta’ Search &Rescue għandha tibqa’ prijorità, għalhekk nirringrazzja lill-Forzi Armati ta’ Malta u l-forzi Taljani tal-ħidma tagħhom ta’ salvataġġ.”
F’kummenti li ta l-Kaptan Logutenet Mark Mercieca dwar il-każ, esprima n-niket tiegħu u tal-Forzi Armata ta’ Malta kemm fuq bażi personali u professjonali li l-attentati tagħhom biex isalvaw kemm jista’ jkun ħajjiet, kienu ta’ xejn. “Xtaqna wasalna qabel, imma ma rnexxielna nsalvaw l-ebda ħajja,” kompla jgħid il-Kaptan Mercieca.
Il-funeral tal-vittmi li nġiebu Malta se jsir għada fid-9 ta’ filgħodu, taħt tinda li qed tinbena apposta quddiem il-kamra mortwarja. Għall-funeral mistennija jkunu preżenti l-Kummissarju Ewropew Dimitris Avramopoulos u l-Ministru Taljan Angelino Alfano. Dan minbarra interventi mill-Isqof t’Għawdex, Mario Grech, fil-preżenza tal-Imam, bħala simbolu ta’ għaqda.