Ritratt li aktar ma jgħaddi, aktar qed idur mal-internet - il-mexxejja tal-Ewropa kollha flimkien fuq dinghy f'nofs ta' baħar. Ir-ritratt modifikat huwa l-istess wieħed li ħadu l-mexxejja fi Franza f'Jannar li għadda bħala turija ta' solidarjetà ma' Franza wara l-attakki terroristiċi f'Pariġi.
Il-verżjoni mmodifikata, hekk kif tidher aktar 'il fuq qed iddur is-siti soċjali b'mod partikolari fuq Twitter u Facebook. Il-kummenti ma' dan l-istess ritratt juru li min qed ixerrdu qed jagħmel hekk b'turija ta' disprezz għal dak kollu li ġara. Xi wħud iżda qed ixerrdu dan ir-ritratt modifikat biex minflok jikkritikaw dak li qiegħed isir mill-mexxejja, b'bosta kummenti jikkritikaw l-approċċ differenti li ħadu l-mexxejja Ewropej għal dawk li tilfu ħajjithom f'Pariġi, meta mqabbel ma' dak li sar għal dawk li tilfu ħajjithom fil-Mediterran.
Intant għada fi Brussell mistennija jiltaqgħu l-kapijiet ta' stat f'laqgħa għolja msejħa b'urġenza wara t-traġedja ta' nhar il-Ħadd fejn hu stmat li tilfu ħajjithom aktar minn 800 ruħ.