Il-Mediterran għandu jkun ċ-ċentru tal-Ewropa - Matteo Renzi

Il-PM Taljan f'Malta jitkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni rregolari u l-Mediterran 

Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi saħaq li hemm bżonn li jkun hemm indirizz kawt għas-sitwazzjoni fil-Libja; fejn qal li m’hemmx lok għal argumenti ta’ allarm. Renzi insista li hemm bżonn li jiġu indirizzati l-għeruq tal-problemi li hemm fit-Tramuntana tal-Afrika – speċjalment fil-każ tal-immigrazzjoni.

Renzi wasal Malta waranofsinhar għal laqgħa ma’ Joseph Muscat. Fid-delegazzjoni li ġiet f’Malta fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-interconnector bejn Malta u Sqallija kien hemm ukoll rappreżentanti mill-kumpanija tal-enerġija Taljana Enel.

Madanakollu s-suġġett li ddomina l-konferenza stampa li ndirizzaw iż-żewġ mexxejja kienet is-sitwazzjoni fil-Libja u l-immigrazzjoni rregolari.

“Il-Libja hija importanti daqs il-Mediterran għalina. Ma nistgħux ikollna l-paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. Aħna ottimisti li li flimkien mal-Italja ħa nsibu most ta’ kif nindirizzaw l-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni fil-Libja.” tenna Muscat.

Barra minn hekk qal li l-proġett inawgurat illum huwa simbolu tal-potenzjal li jeżisti fis-settur tal-enerġija.

Min-naħa tiegħu Renzi qal li l-UE tkun żbaljata jekk ma tqisx il-Mediterran bħala ċ-ċentru tal-Ewropa. Huwa wissa li jekk l-Ewropa ma tgħinx l-Libja, imorru minn taħt l-Istituzzjonijiet Ewropej kollha.
“Malta, l-Italja u r-Rappreżentant Għoli Federica Mogherini insistew li l-Mediterran għandhom ikunu l-qalb tal-politiki Ewropej. Il-Mediterran sawwar l-istorja tal-Ewropa, u għandu jkun parti mill-futur tal-Ewropa.”  saħaq il-PM Taljan.

Huwa ddeskriva din il-kollaborazzjoni fis-settur tal-enerġija bħala “rabta straordinarja” bejn l-istati membri tal-UE – li turi li l-Ewropa tista’ taħdem flimkien b’dawn it-tip ta’ kollaborazzjonijiet strateġiċi.

Renzi indirizza wkoll attivita politika tal-Partit Laburista li saret f’Raħal Ġdid.
 

 

More in Politika