"Malta ma tilfet l-ebda ċenteżmu mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2013 u fuq kollox għall-2014." Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u għall-Fondi Ewropej, Ian Borg. Dan qalu waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-isptar tal-onkoloġija f'Mater Dei.
Kompla billi spjega f’Marzu 2013, meta ngħata fir-responsabbiltà tiegħu l-fondi Ewropej, sab sfida. Sostna li dakinhar pajjiżna kien assorba 30% biss tal-fondi disponibbli għall-perjodu 2007-2013 li jridu jitħallsu sal-aħħar tas-sena 2015. Din il-figura tela' għal 78% sal-aħħar ta' 2014 - jiġifieri pagamenti ta' madwar €372 miljun.
Borg semma' wkoll uħud mill-proġetti ewlenin li għenu biex jintlaħqu dawn il-miri, fosthom il-Garanzija taż-Żgħażagħ, iż-żewġ swali l-ġodda li qed jinbnew bħalissa biswit l-isptar Mater Dei u Triq il-Kosta f'San Pawl il-Baħar. Dan apparti l-ħafna skemi amministrati minn diversi entitajiet li komplew għenu l-impjegabbiltà, l-industrija u lil dawk kollha li xtaqu jkomplu fl-istudji tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li r-ritmu li nqabad ser ikun qed jiġi sostnut permezz ta’ aktar ħidma u l-għan tal-gvern huwa li sal-aħħar tas-sena 2015 pajjiżna jħallas madwar €182 miljun li għad fadal u allura jilħaq il-100%. Biex nagħmlu dan, hemm sensiela oħra ta’ proġetti li jridu jkunu konklużi fiż-żmien li ġej. Fost dawn il-proġetti wieħed isib il-proġett ta' konservazzjoni fiċ-Ċittadella u l-Forti Sant’Anġlu, iċ-Ċentru tal-Industrija Kreattiva u Innovattiva, kif ukoll it-tlestija tal-Isptar tal-Onkoloġija.
Borg irringrazzja lill-ħaddiema tal-PPCD, l-awtorità ta’ ġestjoni tad-dedikazzjoni li dejjem urew u ħeġġiġhom ikomplu jagħmlu dan fiż-żmien li ġej.