“Mit-Tnejn li għadda 3,358 votant ġabru d-dokument tal-vot għar-referendum mill-kummissjoni elettorali fin-Naxxar. Jidher li mit-338,447 votanti rreġistrati għar-referendum, 315,739 għandhom f’idejhom d-dokument tal-vot. Is-sinjali huma ċari, il-Maltin u l-Għawdxin żgur ħa jkunu qed jivvutaw f’dan ir-referendum. Dan huwa ċans storiku għall-bidla.” Dan qalu Mark Sultana, kelliem għal SHout, fl-aħħar attività qabel ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa ta' nhar is-Sibt 11 t'April.
“Il-Parlament huwa l-ogħla entità leġiżlattiva f’Malta u ġie elett min-nies stess. Dan ir-referendum issa ħa jagħti ċ-ċans lil kulħadd biex jieħu deċiżjoni hu nnifsu għax issa nistgħu nivvutaw għall-bidla, waħda li tkun pożittiva – mingħajr ma ninvolvu l-parlament jew il-membri parlamentari.” kompla jgħid Sultana, hekk kif nhar is-Sibt huwa l-ewwel referendum tat-tip tiegħu f'Malta - hekk kif dan hu l-ewwel referendum abrogattiv f'pajjiżna.
“Hemm barra hemm massa ta’ nies siekta li trid tivvota u trid tivvota LE. Huma siekta, imma jafu xi jridu jagħmlu, għaliex il-messaġġ tagħhom huwa l-istess messaġġ tagħna. Dak li jemmnu fih huma huwa dak li nemmnu fih aħna. Aħna nemmnu li Malta u Għawdex ħaqqhom aħjar, ħaqqhom rebbiegħa mingħajr qtil tal-għasafar u kampanja li tkun ta’ kulħadd.”
L-ambaxxaturi għal SHout Alison Bezzina, Coryse Borg, Moira Delia, Frank Zammit, Ganni Zammit, Iggy Fenech, Pierre Portelli, Renzo Spiteri, Saviour Balzan u Mark Sultana simbolikament ivvutaw LE fuq polza tal-vot waqt l-istess attività llejla.
“Ingħaqdu magħna – u vvutaw le intom ukoll.” temm jgħid Sultana.