Iż-żminijiet qed jinbidlu; nhar is-Sibt ivvutaw LE - SHout

SHout tagħmel ir-ringrazzjamenti tagħha u tħeġġeġ lill-elettorat joħroġ jivvota nhar is-Sibt

“Nhar is-Sibt 11 t’April nħeġġu lil Maltin u l-Għawdxin kollha jivvutaw – u nħeġġuhom jivvutaw le. Jekk dan ir-referendum jintrebaħ mill-kaċċaturi, nhar it-Tnejn ħa jkun hawn kaċċaturi bis-senters fil-kampanja, u mhux il-kelliema." Dan qaluh l-kelliema għal kampanja SHout, Mark Sultana, Moira Delia and Saviour Balzan.

Il-kelliema għamlu r-ringrazzjamenti tagħhom - "Nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li indikaw li ħa jivvutaw LE. Nixtiequ nirringrazzjaw dawk l-organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li taw l-appoġġ tagħhom lil din il-kampanja. Nixtiequ nirringrazzjaw l-mijiet ta’ Maltin u Għawdxin li marru jiġbru l-vot tagħhom min-Naxxar. Huwa numru sinjifikanti ħafna.", fejn irringrazzjaw ukoll lill-mezzi tax-xandir - "Nixtiequ nirringrazzjaw it-tliet gazzetti indipendenti – The Sunday Times, The Independent u l-MaltaToday talli taw l-appoġġ tagħhom lil din il-kampanja. Din kienet ħaġa li saret għall-ewwel darba."

SHout ukoll qalet li "kien hemm maturità politika minn ħafna membri tal-parlament taż-żewġ naħat – li għażlu li ma jżommu mal-ebda naħa f’dan ir-referendum."

Fakkru li dan huwa l-ewwel referendum tat-tip tiegħu, hekk kif inhu l-ewwel referendum abrogattiv f’pajjiżna - "In-nies qed jingħataw il-poter li jieħdu deċiżjoni huma nfushom." saħqu l-kelliema.

SHout tenniet il-valuri tal-kampanja tagħha "Din hi deċiżjoni li hi mmexxija minn prinċipju fundamentali. Wieħed ma joqtolx għal gost, wieħed ma jisparax fuq l-għasafar fir-Rebbiegħa, u wieħed ma jżommx il-kampanja għalih innifsu.Dan il-vot ħa jibgħat messaġġ ċar li numru mill-elettorat irid li da nil-pajjiż isir wieħed morn, fejn il-kampanja tista’ tiġi ppreservata u l-għasafar imħarsa.Rajna kampanja li trid iżżomm abitudnijiet li huma distruttivi u negattivi."

"Dan ir-referendum jgħodd ħafna. Huwa rifless ta’ jekk hux ħa nagħtu prijorità lil kwistjonijiet ambjentali.” temmu jgħidu l-kelliema - waqt li ħeġġew lil kulħadd joħroġ jivvota fir-referendum ta' nhar is-Sibt 11 t'April.

 

More in Politika