Tal-linji jibdew aktar kmieni nhar is-Sibt

Xi wħud minnhom jitilqu mill-vendi fl-5am - u mill-Belt fil-5.30am
 

Bil-għan biex tiffaċilita’ t-trasport tal-Assistenti Kummissjonarji Elettorali sabiex jaslu fil-post tal-votazzjoni assenjati lilhom fis-6.00 am nhar jum il-votazzjoni, is-Sibt, il-11 ta’ April, 2015 it-trasport pubbliku ser jitħaddem aktar kmieni mis-soltu f’dak il-jum.

Ir-rotot skedati kollha 1, 2, 3, 12, 21, 22, 24, 31, 32, 33, 36, 38, 41, 42, 44, 45, 51, 52, 53, 54, 55, 61, 62, 63, 71, 72, 73, 82, 83, 84, 85, 91, 92, 93, 94, 122 u X5, ser jitilqu mill-outstations fil-5.00 am. L-istess rotot jitilqu mill-Belt Valletta fil-5.30 am. Għal dan it-trasport ma jintalabx ħlas sakemm il-persuna turi t-tag tal-identità maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali.
 
Wara li jsir id-depositu tal-kaxex tal-voti u materjal ieħor tal-elezzjoni fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, wara l-10.00 pm, l-Assistenti Kummissjonarji Elettorali jkollhom trasport provdut (ukoll mingħajr ħlas) permezz ta’ minibuses lejn il-lokalitajiet kollha ta’ Malta.

Il-ħinijiet tal-votazzjoni għar-Referendum Nazzjonali u l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali nhar is-Sibt, 11 ta’ April 2015, ser ikunu bejn is-7.00 am u l-10.00 pm bla waqfien.
 
Fil-kamra tal-votazzjoni jiddaħħlu għaxar votanti li m’għandhomx bżonn għajnuna għal kull votant li jkollu bżonn għajnuna tal-Assistenti Kummissjonarji Elettorali biex jivvota.
 
Il-Kummissjoni Elettorali tgħarraf ukoll li kull persuna li tostakola jew iżżomm l-aċċess ħieles ta’ votant milli jivvota jkun ħati ta’ reat skont il-liġi.

More in Politika