L-'oxxenitajiet' mhux f'Malta biss isiru - Kathleen Grima

SHout tħeġġeġ lil elettorat biex "ma jibżgħux jivvutaw għall-bidla"
 

Il-kelliema għaż–żewġ naħat - Kathleen Grima (xellug) u Mark Sultana (lemin)
Il-kelliema għaż–żewġ naħat - Kathleen Grima (xellug) u Mark Sultana (lemin)

"L-oxxenitajiet mhux f'Malta biss isiru - imma anke fl-Ewropa." Dan qalitu l-kelliema għall-IVA Bħala Maltin u Ewropej, Kathleen Grima f’dibattitu organizzat mill-Awtorità tax-Xandir ilbieraħ, li sar qabel ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ nhar is-Sibt.

Grima, bħala argument vaur il-kaċċa fir-rebbiegħa rreferiet għall-Artiklu 2 tad-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE, fejn qalet li dan fih hemm miktub “ċar dwar il-bilanċ bejn il-konservazzjoni u l-kaċċa rikreazzjoni.” Semmiet ukoll li din hija “tradizzjoni Maltija, attivita soċjo-kulturali li m’għandhiex tiġi abolita”, li “ssir f’ħafna pajjiżi tal-UE…m’aħniex l-uniċi li nagħmlu dawn l-oxxenitajiet fir-rebbiegħa” kompliet Grima.

Min-naħa l-oħra il-kelliem għal SHout Mark Sultana ħeġġeġ lill-elettorat jivvota LE kontra l-qtil tal-għasafar fir-rebbiegħa, speċjalment jekk l-għasafar ikunu qed ipassu għall-Ewropa biex jirriproduċu. Huwa qal li li ssejjaħ l-kaċċa sport – ħaġa li ssir għal gost huwa “insult għall-isports”.

Għar-riferiment li għamel Sultana għall-kumment tagħha, fejn qal li "iva, li toqtol għasfur hija xi ħaġa oxxena", Grima insistiet "ma kontx qed ngħid li l-kaċċa hija oxxena...huwa l-mod ta' kif qed tiddeskriviha l-kampanja SHout. Ma ridtx infisser hekk"

Sultana ħeġġeġ l-elettorat sabiex “ma jibżax jivvota għall-bidla” hekk kif nhar is-Sibt ħa jkun “mument storiku li ħa jaffettwa l-futur.”

Sultana tkellem ukoll dwar kif il-kaċċaturi xorta ħa jkunu jistgħu jikkaċjaw fuq 40 speċi tul il-ħames xhur tal-Ħarifa.” Saħaq ukoll li meta l-IVA titkellem dwar “kaċċa ta’ rikreazzjoni qed jgħidulkom li l-kaċċaturi jieħdu gost joqtlu. Jekk temmnu fil-valuri ma tistax ddawruhom skont kif jaqblilkom.”

Grima min-naħa tagħha wieġbet li nies b’reliġjonijiet differenti xorta jirrispettaw lil xulxin filwaqt li Sultana saħaq li r-reliġjon u l-valuri huma differenti għaliex hemm reliġjonijiet differenti li għandhom l-istess valuri in komuni.

Il-kelliema għall-IVA saħħqet fuq il-“bilanċ tal-kaċċa fir-rebbiegħa”, fejn qalet ukoll li l-kaċċaturi “joħolqu ambjent li jilqa’ lill-għasafar fil-kampanja.” Qalet ukoll li l-bilanċ ifisser ukoll “rispett u tolleranza għall-passatempi ta’ ħaddieħor.” Sostniet ukoll li vot ta’ LE ħa jkun wieħed “tost”.
Grima talbet ukoll biex ikun hemm “bilanċ… min jien biex nivvota kontra dan id-dritt?” qalet, hekk kif saħqet li l-lobby favur il-kaċċa qed tistaqsi l-istess drittijiet li għandhom kaċċaturi Ewropej oħra, “pajjiżi oħra għandhom id-dritt li japplikaw għal deroga u għandna  nżommu dak l-istess dritt.”

Sultana staqsa kif wieħed jista’ jissejjaħ tost għax ħa jivvota biex iżomm l-għasafar ħajjin, u fl-istess waqt ħeġġeġ lill-elettorat jiżnu sew l-argumenti li qed jitressqu miż-żewġ naħat – u biex jivvutaw b’moħħhom u b’qalbhom.

“Il-bidla tista’ tbeżżana – imma tista’ tkun kburi li kont parti mill-bidla. Malta ġa wried li trid timxi ‘l quddiem, fejn inqatgħet minn prassi tal-passat li kienu qed ixekkluha. Neħħejna ċ-ċirkli tal-annimali għax aħna kontra t-tortura tal-annimali. Issa għandna ċ-ċans li niktbu kapitlu żgħir fl-istorja sinjura ta’ pajjiżna. Li tivvota le huwa li tgħid li inti favur il-ħajja.”

More in Politika