Għada l-Ħamis, id-9 ta’ April, 2015, huwa l-aħħar jum li fih jista’ jsir l-irtirar tad-dokumenti għall-votazzjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar (Ex-Trade Fair Grounds, faċċata tal-grawnd tal-futbol) u mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, għall-votanti reġistrati f’Għawdex.
Il-ħinijiet nhar il-Ħamis ser ikunu mit-8.00 am sas-2.00 pm u mit-3.00 pm sa nofsillejl. Biex jinġabar id-dokument kull persuna għandha tmur personalment l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali biex tieħu d-dokument mingħand il-Kummissjonarji Elettorali u tieħu magħa l-Karta tal-Identità jew id-Dokument tar-Residenza. L-ebda dokument ieħor ma jista’ jkun aċċettat għal dan l-iskop.
Il-Kummissjoni Elettorali qed toffri lil dawk il-morda li ma jkunux jistgħu joħorġu mill-karozza privata li twassalhom sal-bieb tal-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, faċilitajiet apposta biex ikun jista’ jingħatalhom id-dokument mill-Kummissjonarju.
Mingħajr dokument għall-votazzjoni ħadd ma jkun jista’ jivvota nhar is-Sibt 11 t'April - jum il-votazzjoni għar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa kif ukoll għall-kunsilli lokali.