Iva vs Le - skont Facebook

Għodda tanalizza dak li qiegħed jingħad fuq il-media soċjali dwar ir-referendum tal-kaċċa fir-rebbiegħa

L-użu tal-media soċjali bħala analiżi tal-opinjonijiet politiċi dejjem qed tiżdied aktar ma jgħaddi ż-żmien. Forsi jista’ jkun għaliex ikollok reazzjoni immedjata tal-poplu – liema opinjonijiet jafu jinbidlu immedjatament ukoll.

Fadal biss ftit jiem għar-referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa f’Malta – u Socionomix, li hija għodda analitika tal-media soċjali żviluppata mill-iMovo tat ħarsa lejn Facebook biex tara l-opinjoni tan-nies dwar l-Iva u l-Le.

 

Din l-għodda analitika ġabret informazzjoni mill-paġna ta’ Facebook ta’ SHout kif ukoll dik tal-IVA – u ġew imqabbla għal perjodu Marzu – April tal-2015. Għalkemm hemm differenza bejn min ħa jivvota, u min juża Facebook, ir-riżultati tal-analiżi ħarġet riżultati interessanti.

L-għodda li ntużat hija Socionomix - żviluppata minn iMovo
L-għodda li ntużat hija Socionomix - żviluppata minn iMovo

Il-paġna ta’ Facebook ta’ SHout rnexxielha tiġbor 16% aktar ‘likes’ fuq Facebook, meta mqabbel ma’ tal-IVA, ghalkemm tal-IVA rnexxielhom itellgħu aktar ‘likes’ f’jum wieħed – fejn l-IVA rnexxielha ttella’ sa 300 like f’jum wieħed, u SHout madwar 50 like kuljum.

Iż-żewġ paġni għandhom medja tajba ta’ nies li jxerrdu l-materjal tagħhom fuq il-paġna private tagħhom – b’medja ta’ 58 darba għal IVA u 17-il darba għal SHout. Ir-raġuni jaf tkun għaliex it-tip ta’ kontenut ivarja minn paġna għall-oħra – fejn tal-Iva jużaw aktar stampi (55%) minn SHout (42%). SHout aktar jagħmlu użu minn ħoloq għal artikli kif ukoll filmati.

L-aktar 5 posts popolari tal-kampanja Iva fuq Facebook kienu dawk li qed juru avvenimenti tal-familji, esperjenzi personali, kif ukoll slogans dwar kif wieħed għandu jirrispetta l-passatemp ta’ ħaddieħor. Għal SHout l-aktar popolari kienu dawk li qed juru l-effetti tal-kaċċa kif ukoll l-islogan “Għasafar mejta ma jistgħux jirriproduċu.”

L-iżjed ġurnata fejn jaraw attività l-paġni għal Iva u SHout kienet il-Ġimgħa u l-Ħadd rispettivament.

Għalkemm skont din l-analiżi jidher li hemm aktar attività fuq il-paġna ta’ Facebook tal-IVA, dan ma jfissirx li qed jaqblu mal-propaganda tagħha. Kien hemm bosta każi li fihom kien hemm diskussjonijiet jaħarqu fuq xi post, b’bosta jikkummentaw li ma jaqblux u jiddikkjaraw pubblikament li ħa jivvutaw kontra l-kaċċa.
 

 

More in Politika