
Jekk verament nemmnu fir-riċiklaġġ, irridu ntejbu l-faċilitajiet - Simon Galea
Il-kandidat tal-Kunsilli Lokali tal-AD fuq San Pawl il-Baħar jisħaqq fuq l-importanza ta' approċċ favur l-ambjent

More in Politika
Il-kandidat tal-Kunsilli Lokali tal-AD fuq San Pawl il-Baħar jisħaqq fuq l-importanza ta' approċċ favur l-ambjent
"Il-ġestjoni tajba tal-iskart mhux biss ikun rifless fil-kundizzjoni tal-lokal imma jħalli ukoll benefiċċji oħra permezz ta' użu aħjar ta' riżors bħal dan. It-tħawwil ta' siġar adattati u endemici jgħin ukoll biex l-ambjent jittejjeb f'bosta aspetti. Il-lokalità ta' San Pawl il-Baħar mhix eċċezzjoni għal dawn iż-żewġ regoli sempliċi." Dan qalu ċ-Chairperson għall-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola waqt konferenza stampa llum fix-Xemxija.
Simon Galea, il-kandidat ta' AD għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f'San Pawl il-Baħar, saħaq li l-opportunitajiet għas-separazzjoni tal-iskart permezz ta' faċilitajiet aħjar għandhom bżonn jitjiebu, u fuq l-importanza li tinħoloq kuxjenza ikbar kif ukol il-ħtieġa ta' infurzar aħjar. - "Huwa ta' tħassib li tinnota li mill-ġimgħa l-oħra 'l hawn, il-kontenituri tal-iskart għall-plastik u l-karti tneħħew minn ħafna bring-in sites. Jekk verament nemmnu fis-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, il-faċilitajiet iridu jitjiebu u mhux bil-kontra. Madanakollu ma jfissirx li r-responsabbilità hija biss tal-Kunsill imma wkoll tar-residenti. Għad hawn nies li jarmu żibel barra mingħajr rispett lejn ir-regoli. Uħud joħorġu ż-żibel barra wara li jkun diġà sar il-ġbir, oħrajn iħammġu apposta u ċerti nies li għandhom il-klieb mhumiex responsabbli biżżejjed biex ineħħu l-ħmieġ tal-kelb tagħhom. Dan kollu li semmejt jeħtieġ li jiġi indirizzat permezz ta' titjib fil-faċilitajiet fosthom bring in sites adekwati, aktar bramel għall-ħmieġ tal-klieb, aktar kuxjenza fost il-poplu u infurzar aħjar tal-liġi permezz ta' green wardens u l-użu ta' cctv cameras. Jekk inkun elett, naħdem biex ikunu introdotti reċipjenti tal-iskart elettroniċi u ideat oħra innovattivi bħal proġett biex isir il-kompost, li jista' jkun użat f'inħawi fejn ikun qed isir landscaping fl-istess lokalità."
Simon Galea tkellem ukoll dwar il-landscaping, fejn qal li "għandna bżonn iktar siġar fil-lokalità tagħna kemm biex impattu għat-tniġġiż kif ukoll biex insebbħu l-post. Kull spazju disponibbli għandu jkun użat sew. Eżempju tajjeb hija t-Telgħa tax-Xemxija. Minflok il-qsari li tpoġġew bi pjanti ta' speċi barranija bħall-birds of paradise, l-istess spazju seta' ġie użat aħjar billi jinżergħu siġar u pjanti indiġeni jew endemiċi bħas-siġra taż-żebbuġ 'Tal-Bidni' li hija mdorrija fl-ambjent lokali għall-kuntrarju ta' pjanti ta' speċi aljeni li jeħtieġu aktar kura u jiswew aktar flus biex tixtrihom. Siġar bħal dawn mhux biss isebbħu l-bankina fejn il-baħar imma wkoll jipprovdu dell għal min ipoġġi fuq il-bankijiet li hemm quddiem il-baħar. Proġetti ta' tisbieħ tajjeb li jsiru wkoll f'inħawi residenzjali fejn ir-residenti għandhom jiġu mħajra jiżirgħu xi siġar jew pjanti fil-parapetti tagħhom biex toroq vojta mimlijin appartamenti jkunu jistgħu jinbidlu f'toroq imżejna b'siġar fuq kull naħa tat-triq. Permezz ta' tisbiħ bħal dan, mhux biss ingawdu minn arja iktar pura imma r-residenti stess igawdu minn valur akbar tal-propjeta' tagħhom."